Internazzjonali

Ir-Renju Unit: L-SNP jista’ jappoġġja lil Corbyn biex jevita ‘no-deal Brexit’

Is-Scottish National Party (SNP) ta l-aktar indikazzjoni ċara li jista’ jappoġġja Gvern immexxi mill-Kap Laburista Jeremy Corbyn għal ammont ta’ żmien speċifikat. Dan jista’ isir bħala miżura determinata biex ir-Renju Unit ma jtemmx l-isħubija fl-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim, f’sitwazzjoni ta’ no-deal Brexit.

Il-Kap tal-SNP, Nicola Sturgeon, qalet li ‘taqbel li Corbyn jew ħaddieħor’ jieħdu r-riedni bħala għażla biex dan ix-xenarju ma jseħħx ‘u ġaladarba jsir vot ta’ sfiduċja’ fil-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson.

Sturgeon sostniet li t-tluq tar-Renju Unit mill-UE mingħajr ftehim jinvolvi ‘idea terribbli’. Dan waqt li Boris Johnson qed jinsisti li Brexit se jkun konkluż – bi ftehim jew mingħajru – fil-31 ta’ Ottubru.

Intant, il-Kap tal-SNP sostniet li hi ‘taqbel’ mas-suġġeriment li ‘l-unika garanzija li r-Renju Unit jikseb estensjoni għal Artiklu 50 (biex jipposponi Brexit) fil-każ ta’ no-deal hi jekk il-partiti fl-Oppożizzjoni jgħaddu vot ta’ sfiduċja ( f’Johnson) filwaqt li jqiegħdu lil Corbyn jew ħaddieħor bħala Prim Ministru.’

Filwaqt li qed tirrikonoxxi l-element ta’ sogru f’dawn iċ-ċirkustanzi, Sturgeon tinsab inkwetata ‘dwar sitwazzjoni fejn Boris Johnson ikun kapaċi jisforza no-deal’, biż-żmien għall-konklużjoni ta’ Brexit qiegħed jagħfas.

Il-partit Skoċċiż inkwistjoni, fl-istess ħin, qiegħed jinsisti ‘dwar il-ħtieġa li Boris Johnson jitneħħa mill-poter.

Dan waqt li Ian Blackford, il-Kap tal-SNP f’Westminster, sostna l-impenn ma jinvolvix ħidma lejn gvern potenzjali għall-għaqda nazzjonali iżda ‘biex ir-riedni tat-tmexxija jingħata lil min kapaċi jikseb estensjoni għal Artiklu 50 – u elezzjoni immedjata fir-Renju Unit.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Johnson qal, illum, li l-Gvern immexxi minnu ‘se jimxi skont il-kriterji tal-liġi’, waqt li, mill-ġdid, esprima fiduċja li r-Renju Unit jista’ jitlaq bi ftehim mill-Unjoni Ewropea.