Lokali

Is-sens komun jipprevali – UĦM

Rebħa kbira oħra għall-UĦM Voice of the Workers hekk kif ġiet kkomunikata l-aħbar li hi kisbet l-għarfien ewlieni biex tirrappreżenta l-Allied Health Professionals (AHP) kollha.

F’komunikat li ntbagħat mill-Gvern, intqal li wara li kienet saret talba għall-għarfien ewlieni għall-Allied Health Professionals, irriżulta li l-UĦM Voice of the Workers kisbet 58 fil-mija tal-AHP bħala l-membri tagħha.

Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, saħaq li sa fl-aħħar, rebaħ is-sens komun u d-demokrazija industrijali rrenjat. Hu rringrazzja lill-uffiċjali ta’ UĦM Voice of the Workers, partikularment lil Gian Paul Gauci u Mario Sacco, Assistenti Diretturi, kif ukoll lill-kumitat li jirrappreżenta lill-ħaddiema membri fi ħdan l-AHP, għall-ħidma sfiqa li wettqu f’dawn l-aħħar ġimgħat sabiex il-kwistjoni tissolva darba għal dejjem.

Josef Vella rringrazzja wkoll lill-AHP kollha tal-fiduċja li urew fil-UĦM Voice of the Workers. Intant din il-union issa qed titlob lill-Gvern sabiex in-negozjati jissoktaw malajr kemm jista’ jkun ħalli l-Allied Health Professionals, fl-aħħar mill-aħħar, ikollhom ftehim kollettiv li jkopri kundizzjonijiet xierqa u dinjitużi.