It-tanker ‘Stena Impero’ li hu reġistrat ir-Renju Unit telaq mill-Iran fejn kienu ilu miżmum għal aktar minn xahrejn. Il-proprjetarju Żvediż, Stena Bulk, ikkonferma li t-tanker ħareġ mill-port ta’ Bandar Abbas fejn kien ilu ankrat minn Lulju.
It-tanker kien inħataf mit-truppi Iranjani meta kien fir-rotta tal-baħar ta’ Hormuz, bl-Iran isostni li s-‘Stena Impero’ kien kiser ir-regoli marittimi.
Ingħad ukoll, issa, li t-tanker qed ibaħħar lejn l-ibħra internazzjonali u li jinsab fi triqtu lejn id-Dubaj. Dan bil-ħsieb li l-membri tal-ekwipaġġ ikunu aġġornati ‘dwar is-sitwazzjoni’ waqt li jgħaddu mill-eżamijiet mediċi.
Il-kumpanija ‘Stena Bulk’, intant, qed tagħmel l-arranġamenti għar-ripatrijazzjoni, mill-aktar fis, tal-baħrin fuq is-‘Stena Impero’.
Il-ħtif tat-tanker, fid-19 ta’ Lulju, kien seħħ ġimagħtejn wara li tanker tal-Iran spiċċa miżmum – bl-intervent tal-morini tar-Renju Unit – fl-ibħra ’l hinn minn Ġibiltà.
It-tanker Iranjan kien issuspettat li abbuża s-sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għas-Sirja, iżda f’Awwissu kienet ngħatat direttiva biex dan jinħeles.
Intant, l-Iran ċaħad li l-ħtif tas-‘Stena Impero’ kellu jseħħ bħala ritaljazzjoni għar-rwol tar-Renju Unit fil-ħtif tat-tanker Iranjan.
Id-drama bis-‘Stena Impero’ seħħet meta t-tanker kien għaddej mill-ibħra internazzjonali ta’ Hormuz – li jgħaqqad il-Golf mal-Oċean Indjan – u fejn inżamm mill-membri tal-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran.
Dan waqt li l-awtoritajiet f’Tehran akkużaw it-tanker dwar ‘ħabta ma’ dgħajsa tas-sajd’ filwaqt li qalu li l-ekwipaġġ tas-‘Stena Impero’ ma tax każ l-appelli tal-emerġenza li rriżultaw minn dik is-sitwazzjoni. Intant, is-sidien tat-tanker Britanniku ċaħdu ‘li kien hemm il-provi ta’ dan in-nuqqas’ min-naħa tal-ekwipaġġ.
Fl-eqqel tad-drama, ir-Renju Unit kien bagħat frejgata tar-Royal Navy biex imur jgħin lill-ekwipaġġ tas-‘Stena Impero’ minbarra li wissa lill-awtoritajiet Iranjani rigward aġir illegali fiċ-ċirkustanzi. Madankollu, il-frejgata ma laħqitx waslet fil-ħin f’dik iz-zona ta’ baħar – bis-‘Stena Impero’ jitwassal lejn il-port ta’ Bandar Abbas fejn baqa’ ankrat għal dan iż-żmien kollu.
Aktar kmieni dan ix-xahar, l-Iran kien ħeles seba’ membri tal-ekwipaġġ tat-tanker għal raġunijiet umanitarji. Dan meta l-aħħar rapporti qalu li kien għad fadal sittax-il baħri fuq is-‘Stena Impero’ – f’dan il-każ, 13-il Indjan, żewġ Russi u Filippin.
//= $special ?>