Internazzjonali

Mijiet salvati ‘mid-Dar tat-Tortura’ fin-Niġerja

Il-Pulizija Niġerjani qalu li salvaw kważi 500 persuna minn bini, fil-belt ta’ Kaduna, fejn, allegatament, kienu qed jinżammu priġuniera waqt li jbatu ‘forom ta’ tortura’. Il-priġunieri kienu kollha rġiel u tfal, li wħud instabu marbutin bil-ktajjen fir-residenza.

L-awtoritajiet f’Kaduna qalu li l-pulizija wettqu rejd speċifiku fuq id-dar ( enormi fid-daqs) wara li kienet waslitilhom informazzjoni dwar attività suspettuża. Wara r-rejd, l-istess awtoritajiet ikkonfermaw li ‘din kienet dar tat-tortura’, bil-każ jinvolvi mijiet ta’ tfal u irġiel li kienu sfurzati f’ħajja ta’ skjavtu.

L-irġiel u t-tfal salvati –mhux kollha Niġerjani – żvelaw li kienu torturati, abbużati sesswalment u, f’ħafna każi, miċħudin mill-ikel. L-aggressuri kienu aċċertaw li l-vittmi kellhom isibuha impossibbli li jaħarbu, b’uħud jinżammu f’dik id-dar għal diversi snin.

Mhux ċar kif il-priġunieri ‘waslu sa dan il-punt’ – b’uħud mit-tfal salvati jgħidu lill-pulizija li l-qraba tagħhom kienu ħaduhom f’dik id-dar għaliex ħasbuha bini għat-tagħlim tal-Koran.

Iżda filwaqt li arrestaw tal-anqas tmien suspettati, il-pulizija qalet li m’hemm l-ebda provi konkreti li jissuġġerixxu li ‘il-bini setgħet serviet, xi darba, bħala skola’.

Il-meħlusa, sadattant, ittieħdu fi stadium fl-inħawi ta’ Kaduna fejn l-awtoritajiet ikkonċernati kienu qed jieħdu ħsiebhom, fost l-arranġamenti biex jinstabu l-familji tal-eks priġunieri. Dan waqt li l-meħlusa kienu qed ikunu suġġetti għall-eżamijiet mediċi u psikoloġiċi dovuti.