Ritratti xokkanti ppubblikati fuq il-midja soċjali juru l-istat tal-mistħija li fih jinsabu partijiet mill-iskola tal-Gvern ta’ Santa Tereża, f’Santa Venera.
Ir-ritratti ttieħdu minn ġenitur li flimkien ma’ oħrajn żaru l-iskola, imma nnutaw li l-persuna li kienet qed turihom il-post kienet qed tevita partijiet partikolari.
Kien hawn li fuq insistenza tagħhom, daħlu f’żona fejn suppost se jkunu ospitati t-tfal tal-kindergarten fi ftit jiem oħra … u kien hawn li ħadu xokk għas-sitwazzjoni li sabu quddiem wiċċhom.
Tilqagħhom sabu riħa qawwija ta’ moffa, b’ġugarelli li tfal ta’ din l-eta’ saħansitra jispiċċaw idaħħlu f’ħalqhom li kienu qed imissu mal-moffa u wkoll ħadu r-riħa tagħha.
Is-sitwazzjoni tal-moffa tant hi gravi li f’xi partijiet iż-żebgħa tfarfret minn mal-ħajt, waqt li l-kurituri u wkoll il-kamra fejn se jkunu t-tfal spiċċaw fuq il-ġebla.
L-istess ġenitur tgħid li mit-toilet bdiet ħierġa riħa tant tinten li saħansitra ħasbu li kien hemm xi ħaġa li kien ilha mejta fih.
Fid-dawl ta’ dan, il-ġenituri bagħtu korrispondenza lill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo fejn jitolbuh jieħu azzjoni.
Saħansitra offrew li jkunu huma li jagħmlu x-xogħol li hemm bżonn, bi spejjeż minn buthom u fi tmiem il-ġimgħa, biex uliedhom isibu ambjent sigur u nadif li jilqagħhom.
//= $special ?>