Internazzjonali

STATI UNITI: Il-whistleblower “huwa uffiċjal tal-CIA”

Erba' t'ijiem wara, ikomplu l-aħbarjiet dwar l-'impreachment'

Rapporti fil-midja qed jgħidu li l-whistleblower li żvela l-konverżazzjoni bejn il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u l-President Ukren Voldomyr Zelensky kien uffiċjal tas-CIA.

L-informazzjoni wasslet għal inkjesta li tista’ twassal għat-tneħħija tal-President Amerikan. In-New York Times qed tirraporta li l-uffiċjal, li ismu ma xxandarx, għamel xi żmien jaħdem fil-White House.

Dwar dan, min-naħa tiegħu, Trump wiegħed li ‘il quddiem għandu joħroġ fil-pubbliku transcript ‘sħiħ u deklassifikat’ tat-telefonata inkwistjoni bejnu u l-Mexxej Ukren li saret fil-25 ta’ Lulju.

Il-whistleblower qal li uffiċjali għolja tal-White House ppruvaw jostru u jaħbu d-dettalji kollha tal-konverżazzjoni telefonika li saret fl-istess telefonata f’Lulju li għadda, fejn Trump għamel pressjoni fuq Zelensky biex jinvestiga lill-kandidat Demokratiku u eks Viċi President tal-istati Uniti Joe Biden.