Il-problema tan-nuqqas ta’ għalliema żgur li ma solvietx ruħha hekk kif mal-ewwel jiem tas-sena skolastika l-ġdida mill-ewwel il-lezzjonijiet ta’ ċertu suġġetti mhux jingħataw.
Dan qed jixhduh anki numru ta’ kummenti fuq il-midja soċjali, fejn spikkaw ħafna lmenti dwar in-nuqqas ta’ għalliema li hemm fil-Malti.

Dan il-kumment partikolari ma joqgħodx jomgħodha – jgħid b’mod ċar li “missejna l-qiegħ”, u li oħtu minn erba’ lezzjonijiet tal-Malti, kull mhu ħa jkollha tnejn biss. Il-lezzjonijiet l-oħra mhux se jsiru għax ma sabux biżżejjed għalliema tal-Malti.
Numru ta’ kummenti oħra spikkaw hekk kif persuni oħrajn komplew jgħidu li huwa ovvju li m’hemmx għalliema tal-Malti, għax il-paga ta’ għalliem m’għadhiex tajba, u li huwa kors twil ħafna meta mqabbel m’oħrajn.


Uħud ikkonfermaw ukoll dak li ntqal, fejn persuna partikolari tenniet li anki binha se jkollu l-free lessons tal-Malti.

Ġenitur ieħor qalet li s-sena l-oħra l-istess ġara fejn kien u għad hemm nuqqas t’għalliema fil-Matematika u l-Malti, b’konferma ta’ dak li ħafna ilhom isostnu, li hemm nuqqas partikolari f’dawn iż-żewġ suġġetti. Hija għalqet b’messaġġ ta’ tama biex forsi l-problema tirrisolva f’qasir żmien.

Fl-aħħar jiem il-Unions tal-għalliema tkellmu kif il-problema mhux se tirrisolva jew titaffa’ jekk jiġu għalliema barranin.
Bla ebda dubju, għalliema tal-Malti huwa kważi impossibli li jkunu barranin, filwaqt li għalkemm il-Gvern qal li se jġib għalliema barranin għal suġġetti oħra, s’issa ma ħoloq l-ebda inċentivi biex forsi jattira aktar studenti Maltin għall-kors tal-għalliema.