Futbol Sport

Tlieta minn tlieta għal Lija Athletic

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

PIETÀ HOTSPURS …………………. 0 LIJA ATHLETIC ……………………. 3

Pietà: J. Chircop St. John, T. Bartolo, N. Pace Cocks, J. Ghio (S. Pisani 46’), D. Vukovic, N. Pisani (J. Delmar 82’), S. Mizzi, Q. Bregman, J. Caetano (J. Bone 69’), I. Jalo, L. Adamec

Lija: L. Bonnici, C.J. Cassar, L. Muscat, E. Beu, A. Borg (G. Borg 89’), M. Clinch, K. Seakanyeng, C. Giordemaina, A. Galea (D. Scerri 69’), C. Gauci, M. Palomino Farinez (H. Wood 86’)

Referee: Matthew Degabriele

Lija Athletic kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva meta bl-iktar mod konvinċenti għelbu lil Pietà 3-0, fejn Erjon Beu skorja doppjetta oħra u t-tielet waħda konsekuttiva biex tella’ t-total tiegħu għal sitt gowls.

Bidu tajjeb ta’ Lija li fetħu l-iskor fis-seba’ minuta meta minn kross ta’ Cassar, il-ballun wasal għand ERJON BEU li dar ma’ difensur qabel għeleb lil Chircop b’xutt fil-baxx. Pietà resqu qrib fis-16-il minuta minn korner ta’ Neil Pace Cocks u daqqa ta’ ras ta’ Lubos Adamec għaddiet barra.

Fl-20 minuta, Lija viċin it-tieni gowl meta minn kross ta’ Beu kien hemm id-daqqa ta’ ras imxellfa ta’ Seakanyeng li ħabtet man-naħa ta’ fuq tal-mimduda. It-tieni gowl wasal għaxar minuti wara meta minn azzjoni te’ free-kick, il-ballun ma kienx maqlugħ mid-difiża ta’ Pieta u LEON MUSCAT spara fix-xibka b’xutt b’saħħtu.

Minkejja l-vantaġġ doppju ta’ Lija, il-logħba baqgħet interessanti u Pietà resqu qrib li jnaqqsu l-iskor fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima meta Jake Ghio kompletament żmarkat ra x-xutt tiegħu salvat minn Bonnici.

Fit-tieni taqsima l-andament tal-logħba ftit inbidel bil-pressjoni sterili ta’ Pietà u bit-tim ta’ Lija dejjem perikoluż bil-ħarbiet tiegħu. Għaxar minuti mit-tmiem, Seakenyang twaqqa’ minn Adamec għal penalty ċar li minnu ERJON BEU ma falliex biex skorja t-tielet doppjetta konsekuttiva. Fil-ħin miżjud Pietà resqu qrib gowl ta’ konsolazzjoni meta xutt ta’ Lubos Adamec direttament minn free-kick stampa mal-mimduda.