Lokali

Appell sabiex terġa’ tiġi organizzata l-airshow internazzjonali ta’ Malta

F’dan il-weekend, ta’ kull sena, kien jiġi organizzat l-airshow internazzjonali ta’ Malta mill-Malta Aviation Society bl-għajnuna tal-awtoritajiet ċivili. Dan kien avveniment li kien jattira niċċa partikolari ta’ turizmu lejn Malta, opportunità għad-dilettanti tal-avjazzjoni u kienet isservi ta’ ħarġa ghall-familji Maltin.

Fi stqarrija maħruġa mill-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Turiżmu Robert Arrigo u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Ġlieda kontra l-Obeżità Ryan Callus, il-Partit Nazzjonalista jisħaq li hija ħasra li għat-tieni sena konsekuttiva, l-airshow internazzjonali ta’ Malta mhux se jittella. Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-awtoritajiet konċernati sabiex tinstab soluzzjoni li twassal sabiex il-Malta Aviation Society tkun f’pożizzjoni li terġa’ torganizza l-Malta International Airshow. L-Oppożizzjoni lesta tgħin sabiex tinstab soluzzjoni fl-interess tat-turiżmu u d-dilettanti Maltin tal-avjazzjoni.