Stewart Said
BIRKIRKARA………... 2
VALLETTA…………….. 2
Birkirkara: A. Hogg, C. Attard, O. Carniello, E. Pepe, K. Zammit, R. Briffa, R. Fenech, M. Alba (M. Mifsud 75’), C. Prado, M. Vella (E. Luis dos Santos 83’), F. Falcone
Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre, S, Borg, J. Borg, J. Zerafa (R. Camilleri 73’), D. Packer, I. Dzaria (N. Pulis 45+3’), K. Tulimieri, Y. Messias (S. Dimech 63’, M. Fontanella, B. Kaljevic
Imwissija: S. Borg 18’, K. Tulimieri 46’, J. Zerafa 55’, J. Borg 67’ (V), R. Fenech 22’, R. Briffa 45+5’, E. Pepe 49’, M. Vella 57’ (B)
Skorjaw: S. Borg 10’, E. Pena Beltre 58’ (V), C. Prado 37’, M. Alba 69’ pen (B)
Referee: Malcolm Spiteri
Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Mitchell Scerri
Il-mument Plejer tal-logħba: Caio Prado (Birkirkara)
BOV Plejer tal-logħba: Caio Prado (Birkirkara)
Lejn it-tmiem kellhom żewġ okkażjonijiet li setgħu jiskorjaw il-gowl tar-rebħa, iżda finalment Birkirkara kellhom jikkuntentaw bi draw ta’ 2-2 kontra r-rivali Valletta. Riżultat ġust milgħuba quddiem attendenza pożittiva.
B’dan ir-riżultat Birkirkara baqgħu ta’ qabel tal-aħħar bi tliet punti minn ħames logħbiet filwaqt li Valletta naqsu li jitilgħu fil-quċċata. Il-Beltin naqsu li jkunu perikolużi biżżejjed u ma kellhomx reazzjoni wara li Birkirkara ġabu d-draw.
Bidla għal Birkirkara mid-draw kontra Mosta hekk kif Maurizio Vella beda flok Edison Luis dos Santos. Fuq in-naħa l-oħra, Valletta kellhom żewġ bidliet mir-rebħa kontra Balzan. Douglas Packer u Yuri Messias bdew flok Rowen Muscat u Shaun Dimech.
Valletta fetħu l-iskor wara 10 minuti. Kien xutt fil-baxx ta’ Bojan Kaljevic li kien salvat minn Andrew Hogg, Cain Attard mess il-ballun u Hogg għażel li jaqbad il-ballun b’idu minflok ibiegħed il-periklu, bir-referee Malcolm Spiteri ġustament jordna free-kick fil-kaxxa. It-tim Karkariż kien kostrett li joqgħod fil-lasta, b’Douglas Packer iqassam fil-baxx lura lejn STEVE BORG li b’xutt fil-baxx li kien blokkat parzjalment, fetaħ l-iskor.
Birkirkara tjiebu mal-ħin iżda kellhom jgħaddu nofs siegħa biex ikunu perikolużi. Caio Prado tefa’ kross fil-baxx għan-nofs lejn Miguel Alba iżda naqas li jikkonkludi minn qagħda ideali.
It-tim ta’ Andrè Paus ġab id-draw fis-37 minuta meta Ryan Fenech għadda vertikalment lejn Maurizio Vella li b’passaġġ intelliġenti qassam fl-ispazju lejn CAIO PRADO li qabbeż fuq Henry Bonello.
Valletta ħarġu ftit aħjar fit-tieni taqsima u rnexxielhom jerġgħu jmorru fil-vantaġġ fit-58 minuta bi kross mix-xellug ta’ Kevin Tulimieri jsib lil ENMY PENA BELTRE li daħal tajjeb u għeleb lil Hogg b’daqqa ta’ ras.
Reazzjoni tajba minn Birkirkara li fil-65 minuta setgħu ġabu d-draw iżda Caio Prado naqas li jikkonkludi mill-viċin bir-ras. Iżda erba’ minuti wara huma ġabu d-draw meta Prado ġie żbilanċjat fil-kaxxa minn Jean Borg u r-referee Spiteri ma kellux diffikultà jordna. Mill-11-il metru l-eks MIGUEL ALBA bagħat lil Bonello n-naħa l-oħra tal-ballun.
Dan il-gowl ta’ kuraġġ lil Birkirkara li bdew ikunu aktar avventurużi u fil-81 minuta Bonello kien attent biex dawwar f’korner xutt ta’ Michael Mifsud. Żewġ minuti wara, Bonello ċaħħad din id-darba lil Falcone minn pożizzjoni simili.
//= $special ?>