Seba’ xhur wara l-maltempata qalila li laqtet il-gżejjer il-Maltin li fiha ħalliet ħerba fis-serrer u l-uċuħ tar-raba, il-bdiewa u r-raħħala għadhom lampa stampa f’nofs proċessi burokratiċi ma jispiċċaw qatt b’rabta mal-applikazzjonijiet tagħhom għall-kumpens mingħand il-Gvern.
Terġa’ u tgħid, il-Gvern illimita n-numru ta’ bdiewa eleġibbli għall-għajnuna, hekk kif l-għajnuna li kienet se tingħata ma tgħoddx għal dawk li għandhom ħsarat fl-uċuh tar-raba, bħalma stqarr il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Biedja, Edwin Vassallo:
“Hekk kif bdiet ħierġa l-informazzjoni fiex kienet se tkun qed tikkonsisti din l-għajnuna, it-tama għall-ħafna bdiewa bdiet tisfaxxa fix-xejn. Dan għaliex il-Gvern wera mill-ewwel li l-ewwel għajnuna li kien se jagħti se tkun għall-bdiewa li kellha l-ħsara fis-serer. Dawk il-bdiewa kollha li kellhom il-ħsara fl-uċuh tar-raba, iġifieri f’dak li kien miżrugħ fir-raba, minkejja l-ħsara li saret u l-wegħdiet tal-Gvern, xorta baqgħu b’xejn.”
Iżda lil dawn, mhux talli se joffirlhom biss 45% tal-ħsarat imġarrba, daħka f’wiċċ il-bidwi u r-raħħal Malti skont Edwin Vassallo, talli kkumplika l-proċess ta’ applikazzjoni, b’bosta formoli x’jintlew u preżentazzjonijiet ta’ bosta permessi. ħalhekk, joħroġ il-qerq tal-Gvern li din l-għajnuna kienet evidentament eleġibbli għal xi wħud mhux għal kulħadd kif wiegħed b’tant pompa lura fi Frar.
“Fost il-bdiewa bdiet tikber din ir-rabja u sar aktar evident għall-ħafna bdiewa li dak li kien qiegħed iwiegħed il-Gvern, kienu daħka fil-wiċċ. L-għajnuna tal-Gvern kienet se tkun biss wegħda taparsi li ma setgħux japplikaw għaliha.”
Minflok, il-qtiegħ il-qalb jissokta bil-bdiewa qegħdin jintbagħtu minn uffiċċju għal ieħor biex iġibu l-verifiki li s-serrer qegħdin fil-propjetà tagħhom:
“Illum għandna numru ta’ bdiewa, li mhuwiex żgħir, li huma mdejqin u mxebbgħin għaliex, filwaqt li l-Gvern wegħedhom l-għajnuna, għandhom il-ħsara u se jkollhom joħorġu l-flus biex jibnu s-serer tagħhom. Inkella, jaqtgħu qalbhom u dak li kien mibni qabel il-ħsara li kkawża l-maltemp, mhux se jerġgħu jibnuh.”
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Biedja fakkar kif il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien dejjem hemm għall-bdiewa f’ċirkostanzi simili u temm jappella lill-Gvern biex jissimplifika l-burokrazija ma tispiċċa qatt fl-ipproċessar tal-applikkazzjonijiet tal-fondi sabiex aktar bdiewa jiġu mgħejuna u jiġu fuq saqajhom flok jibqgħu b’xiber imnieħer:
“Ma nistgħux nibqgħu nidħku iktar biż-żgħir! Meta qed nniddefendu lill-bdiewa, qed niddefendu liż-żgħir. Għal dan il-Gvern, iż-żgħir ma jimpurtahx minnu, il-bdiewa ma jimpurtahx minnhom għax iż-żgħir huwa insinifikanti.”
//= $special ?>