Lokali Parlament

Delegazzjoni parlamentari iżżur il-post fejn kienu internati l-Maltin

Delegazzjoni mill-Parlament Malti immexxija mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, li bħalissa tinsab fl-Uganda għall-64 Konferenza Parlamentari tal-Pajjiżi tal-Commonwealth, żaret Bombo, il-villaġġ fejn 43 Malti, fosthom l-eks PM Nerik Mizzi, kienu eżiljati mill-Gvern Ingliż waqt it-Tiene Gwerra Dinjija. Huma żaru fost oħrajn l-iskola primarja ta’ din il-lokalita’, fejn kienu qed jinżammu l-Maltin.

Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius stqarr li Nerik Mizzi kien l-eks Kap tal-PN u wara l-eżilju tiegħu, kien elett Prim Ministru ta’ Malta. Hu qal li l-Fondazzjoni Fortunato u Nerik Mizzi li qed ifittex kollaborazzjoni bejn Malta u l-Uganda biex jitfakkar dan l-avveniment.

Min-naħa tiegħu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia irringrazzja lill-poplu ta’ Bombo għall-ospitalita’ tiegħu, kemm illum il-ġurnata, kif ukoll dak iż-żmien meta kienu eżiljati l-Maltin.

Id-delegazzjoni Maltija iltaqgħet ukoll ma’ Paulo Wagaba, raġel anzjan minn Bombo li jiftakar il-Maltin li kienu internati f’dan il-villaġġ. Membri oħra tad-Delegazzjoni Maltija kienu d-Deputati Alex Muscat u Etienne Grech. Id-delegazzjoni kienet akkumpanjat minn Amele Ruth, Deputat mill-Parlament tal-Uganda.