Il-Union tal-Edukaturi Professjonisti, il-UPE, iddeskriviet il-klassijiet fi skejjel bħall-Kulleġġ t’Għawdex u l-Kulleġġ ta’ Santa Tereża bħala siti ta’ kostruzzjoni.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kap Eżekuttiv tal-UPE Graham Sansone, u d-Direttur tal-Iskejjel tal-Istat, Rita Catania, huma indirizzaw bosta nuqqasijiet li sabu ma’ wiċċhom l-għalliema fl-ewwel ġimgħa tas-sena skolastika, fosthom in-nuqqas ta’ indafa u ż-żamma tal-klassijiet, superviżjoni adegwata fuq it-trasport tal-istudenti u n-nuqqas tal-għalliema fl-iskejjel.
Dawn in-nuqqasijiet ma ġewx indirizzati mill-Ministeru tal-Edukazzjoni f’dawn l-aħħar snin biex b’hekk spiċċaw ibatu l-għalliema u l-iskejjel, bħalma elenka Graham Sansone dwar ix-xogħolijiet ta’ manutenzjoni li sabu ma’ wiċċhom mar-ritorn lura għall-iskola:
“Għandna skejjel li l-għalliema daħlu għalihom u dawn għadhom siti tal-kostruzzjoni prattikament. Għandek diversi kulleġġi fosthom il-Kulleġġ t’Għawdex, għandek il-Kulleġġ ta’ Santa Tereża, li f’dawn l-għalliema daħlu fl-ewwel ġimgħa fi klassijiet mimlijin trab, għammara mhijiex f’postha biex spiċċaw b’mod volontarju jmexxu l-affarijiet huma.”
Wieħed jistaqsi jekk huwiex xogħol l-għalliema, l-LSEs jew il-kapijiet tal-iskola li jagħmlu dan, bi klassijiet kollha moffa, b’ħitan jaqgħu, għammara żlugata jew mhux f’postha u tagħlim fl-imħażen jew box rooms:
“Il-problema hija li inti għandek l-amministrazzjoni ċentrali, mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, li mhix qed tipprovdi biżżejjed riżorsi lill-kapijiet tal-iskola biex jamministraw l-klassijiet u l-iskejjel tagħhom. Qegħdin f’sitwazzjoni fejn għandna klassijiet li qed jaqgħu biċċiet u allura mhijiex sostenibbi, bl-għalliema kellhom jidħlu f’ambjent bħal dan.”
Il-union tħalliet ukoll fil-għama dwar is-superviżjoni tal-istudenti fuq it-trasport tal-iskola, u l-UPE ma tafx ir-ratios ta’ kemm-il għalliem għandu jkun hemm mal-istudenti fuq il-vannijiet jew il-kowċis.
“Qed nagħmlu enfasi kbira fuq is-superviżjoni tat-trasport. Xbajna nitolbu lill-Ministeru biex jagħtina r-ratios ta’ kemm suppost għandu jkun hemm għalliema ma’ studenti. Qed nistennew traġedja minn ħin għal ieħor. Irridu nkunu nafu ukoll ir-ratios tal-għalliema mal-istudenti tar-resource centres. Ilna nitolbuha. Din suppost hija informazzjoni li suppost tingħata lill-impjegati kollha u mhijiex tingħata. Allura aħna nħossuna fid-dmir li oġġett bħal dan għandu jiġi ppubblikat biex l-edukaturi u l-membri tagħna jkunu jafu bihom.”
Sansone elenka numru ta’ ċirkostanza kif kowċ ta’ 40 ruħ ġieli lanqas kellha għalliema ta’ superviżjoni, b’sitwazzjoni aktar agħar fir-resource centres fejn it-tfal b’diżabbiltà mhux qed ikollhom biżżejjed għalliema ta’ superviżjoni.
//= $special ?>