Futbol Sport

Floriana jirbħu b’għaxra minn nies

Rowen Camilleri

Gudja U…………0 

Floriana…………. 2 

Gudja: T. Aquilina (J. Debono 45’), J. Bondin, Z. Cassar (P.P. Sammut 63’), D. Grima (T. Al Mahrooqi), R. Winchester, C. Santana, G. Mensah, A. De Barros, H. Vella, A. Bolanos, J. Grioli 

FlorianaI.Akpan, E. Ruiz, D. Venancio, K. Keqi, U. Arias (T. Vella 81’), B. Paiber (C. Borg 67’), J. Pisani, A. Caseres, A. Cini, R. Camenzuli, T. Fonseca (E. Herrera 74’) 

Imwissija: R.Camenzuli 28’, C. Borg 85’ (F), C. Santana 31’,  R. Winchester (G) 

Tkeċċijiet: A. Caseres 22’ (F) 

Skorjaw: T. Fonseca 41’, 46’ (F) 

Referee: Trustin Farrugia Cann 

Assistenti Referees: Alan Camilleri u Darko Stankovic 

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: D. Venancio (Floriana) 

BOV Plejer tal-logħba: T. Fonseca (Floriana) 

Għalkemm kellhom jilgħabu għal aktar minn 70 minuta bi plejer anqas, Floriana rnexxielhom jibqgħu organizzati biex spiċċaw għelbu lil Gudja bl-iskor ta’ 2-0, b’dawn tal-aħħar għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa staġjonali. 

Il-kowċ ta’ Gudja Josef Mansueto kien sfurzat jagħmel bidla waħda mill-partita kontra Sliema fejn minflok Aidan Jake Friggieri li jinsab mweġġa, beda mill-bidu l-eks Floriana Dylan Grima. Minn naħa tiegħu Vincenzo Potenza wkoll kellu jbiddel fejn minflok Matias Garcia, li kontra Gżira safa mkeċċi, beda Tiago Fonseca. 

Fl-ewwel azzjoni denja ta’ nota, wara għaxar minuti mill-bidu tal-partita, korner għal Floriana li ingħata minn Diego Venancio, il-ballun waqa’ f’saqajn Enzo Ruiz li ra x-xutt tiegħu jiġi mblukkat f’korner mid-difiża ta’ Gudja. 

Wara 22 minuta Floriana spiċċaw jilgħabu b’għaxra, hekk kif wara xutt minn barra ta’ Paiber,  f’tentattiv li jieħu l-ballun, Augusto Caseres jidħol daħla kerha fuq il-gowlkiper Aquilina bir-referee minnufieħ juri l-karta l-ħamra lil Arġentin ta’ Floriana. Għaxar minuti wara Floriana marru viċin li jiftħu l-iskor minn free-kick mil-lemin ta’ Venancio li b’diffikulta Aqulina xellef il-ballun fejn anke kien mgħejjun mil-wieqfa. Floriana marru fil-vantaġġ fil-41 minuta meta TIAGO FONSECA rċieva minn nofs u rnexxielu jaħrab lid-difiża, biex minn quddiem Aquilina tefa’ faċilment fix-xibka. Ħames minuti wara, eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima, Floriana rduppjaw hekk kif l-istess TIAGO FONSECA b’xutt sabiħ minn barra ħasad għal kollox lil Aquilina għal 2-0. 

L-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima waslet fil-55 minuta minn Gudja meta Mensah daħal tajjeb mix-xellug għan-nofs, bix-xutt b’saħħtu ta’ dan tal-aħħar ġie mdawwar f’korner minn Akpan. 

Għal ħinijiet twal il-partita kienet nieqsa minn azzjonijiet perikolużi, u kellna nistennew sat-83 minuta biex rajna azzjoni lejn il-lasti. Kien Kristian Keqi li fil-kaxxa qassam lis sostitut Herrera li iżda x-xutt dgħajjef tiegħu kien salvat min Bondin. Minuta wara azzjoni għal Gudja, Grioli jqassam lejn in-nofs fejn sab lil Winchester li iżda tefa’ barra. Gudja reġa kellhom ċans ieħor fid-89 minuta bl-istess Grioli jitfa kross minn korner li sab lil Mensah iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi barra.