Il-Ġappun kienu sensazzjonali f’partita mill-isbaħ. L-ambizzjonijiet tal-Irlanda f’din it-Tazza tad-Dinja ħadu skoss qawwi għax ma setgħux isibu rkaptu tal-attakki kontinwi min-naħa tat-tim li qed jospita dawn il-finali.
Fix-Shizuoka Stadium il-Ġappun taw wirja akbar minn dik li kienu taw kontra l-Afrika t’Isfel fl-istess kompetizzjoni fl-2015 fi Brighton, l-Ingilterra. Huma ddominaw it-tieni taqsima u setgħu anke rebħu b’aktar minn seba’ punti kif juri l-iskor finali ta’ 19-12.
It-tim ta’ Joe Schmidt, li kien kunfidenti u preċiż kontra l-Iskozja fl-ewwel partita, ma setax ilaħħaq mal-ħeffa Ġappuniża li kienet inċitata mill-partitarji tagħha l-ħin kollu bl-għajta ta’ “Nippon! Nippon!”
L-Irlanda rebħu s-sitt partiti preċedenti kontra l-Ġappun u b’aktar minn 20 punt bil-bookmakers ibassru l-istess għall-partita tal-bieraħ. Il-winger Ġappuniż Kotaro Matushima għamel partita kbira.
Wara biss erba’ minuti, Timothy Lafaele ta grubber kick fuq in-naħa tal-lemin u Matsushima rkupra malajr bil-ballun, iżda l-ballun wasal għand Jacob Stockdale li poġġieh wara l-linja. Wara ċans mitluf għall-Ġappun minn Yu Tamura, il-partita sbieħet.
L-ewwel kien hemm ċans għal Keith Earls u wara l-Irlanda bħal donnhom bdew jiddominaw. Bil-Ġappun jiddefendu, il-fly-half Jack Carty irreaġixxa tajjeb biex iċċippja l-ballun li ntrebaħ minn Garry Ringrose li għadda tajjeb minn ma’ Ryohei Yamanaka u skorja.
Carty tilef conversion u kien Tamura li naqqas id-distakk għal żewġ punti minn penalty, iżda kien għal darba oħra Carty li sab l-ispazju u għamel dink sabiħ wara d-difiża. Ta’ benefiċċju kien ukoll il-full-back Rob Kearney.
Wara nuqqas ta’ erba’ snin mingħajr ma jagħmel try fix-xena internazzjonali, Kearney issa għamel tnejn fl-aħħar tliet partiti. Carty għamel il-conversion u hawn kulħadd ħaseb li għall-Irlanda kollox faċli.
Madankollu kollox dar meta l-captain tal-Ġappun Michael Leitch, li sorprendentement tħalla barra mill-formazzjoni inizzjali, daħal wara 30 minuta minflok l-imweġġa’ Amanaki Mafi, li kien l-aħjar plejer tal-Ġappun.
Rory Best, bil-faxxa tal-captain għas-36 darba għal pajjiżu, għamel żball u l-ballun ġie f’idejn Shota Horie, li għadda qiesu riħ lid-difiża Irlandiża. L-Irlanda hawn marru l-baħar u Tamura kompla jżid il-punti. Fit-tieni taqsima
l-veteran scrum-half Tanaka daħal flok Nagare, li ħadem b’James Moore u Kazuki Himeno li tefgħu kollox fuq il-linja Irlandiża. Il-ballun mar fil-ġenb u Lafaele ta lil Kenki Fukuoka u l-Ġappun komplew jersqu lejn l-avversarji. Tamura kompla jtella’ l-punti, u issa l-Ġappun kienu minn fuq. Fl-aħħar kienu penalizzati minn offside u Tamura skorja penalty minn 35 metru.
Faċli għall-Arġentina
L-Arġentina sa fl-aħħar temmew l-agħar perjodu fl-istorja tagħhom meta reġgħu daħlu biċ-ċans li jikkwalifikaw mill-grupp b’rebħa ta’ 28-12 fuq Tonga f’Hanazono, il-Ġappun.
Wara 10 telfiet konsekuttivi f’aktar minn sena, is-semifinalisti tal-2015, wara li tilfu 23-21 kontra Franza fl-ewwel partita tagħhom minn Pool C, irritornaw għar-rebħ wara li kienu tajbin wisq għat-tim mill-Gżira Paċifika. Il-punt bonus għal erba’ tries inkiser sas-26 minuta.
Kollox jidher li l-Los Pumas x’aktarx li jkollhom jiltaqgħu kontra l-Ingilterra, li għadhom mhux megħluba, nhar is-Sibt li ġej u skont dan ir-riżultat jiddependi jekk humiex se jikkwalifikaw għall-fażi tan-knockout. Minkejja li għamlu 50 minuta ma jiskurjawx f’din il-kompetizzjoni, dak li għamlu lbieraħ fil-bidu jħallihom bit-tama li joħolqu xi sorpriża kontra l-qawwa tal-Ingilterra.
Sadanittant, Tonga, li tilfu 35-3 kontra l-Ingilterra fl-ewwel partita u 92-7 kontra New Zealand qabilha, issa jridu jaraw x’se jagħmlu kontra Franza u l-Istati Uniti. L-aħjar plejer tal-partita kien Julian Montoya li għamel tliet tries. Huwa kien skorja tnejn biss fl-ewwel 43 partita li lagħab mat-tim nazzjonali Arġentin.
U fil-partita l-oħra kif kien mistenni l-Afrika t’Isfel ma sabitx diffikultá tegħleb lin-Namibia bil-punteġġ ta’ 57-3. Kif jindika l-iskor kien hemm baħar jaqsam bejn iż-żewġ tims.
//= $special ?>