Joseph Ebejer inżamm arrestat wara li s-Sibt filgħodu tressaq il-Qorti akkużat li kkorrompa u pparteċipa f’atti sesswali mingħajr kunsens ma’ erbat itfal taħt l-etá.
Ir-raġel li għandu 63 sena residenti Ħal Kirkop iżda li twieled l-Awstralja huwa akkużat li kkorrompa erba t’itfal minorenni u stupra lil tifla minnhom li kellha inqas minn tnax-il sena. It-tfal huma kollha kuġini b’żewġ settijiet ta’ aħwa. Il-każ seħħ f’Diċembru li għadda f’post fl-inħawi tal-Armier fejn it-tfal kienu fdati lilu biex suppost jieħu ħsiebhom.
Huwa kien akkuzat ukoll li hu reċediv meta fil-passat kien diġà nstab ħati fuq każ ieħor ta’ korruzzjoni ta’ minorenni. L-avukat Joe Brincat, li qed jidher għall-akkużat, talab għal divjet tal-isem, mhux biss tal-minuri, imma wkoll tal-imputat.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi John Spiteri u Clayton Camilleri minn naħa tagħha għalkemm qablet fuq id-divjett fuq l-isem tal-minuri oġġezzjonat għat-talba tad-difiża rigward id-divjett ta’ isem l-imputat hekk kif skond l-investigazzjonijiet tal-Pulizija ma hemmx periklu li l-identitá tal-minuri fil-każ tiġi skoperta.
Min-naħa tagħha l-Maġistrat Astrid May Grima ordnat divjet biss fuq l-ismijiet tal-minuri iżda mhux tal-akkużat. Fil-preżenza tal-ġenituri ta’ tnejn mit-tfal Ebejer wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat immedjatament għal din it-talba u qalet li l-imputat kien diġá instab ħati f’każijiet ta’ korruzzjoni tal-minuri fil-passat. B’hekk il-Maġistrat Astrid May Grima ordnat li l-akkużat jibqa’ miżmum taħt arrest.
Il-Qorti għalhekk ma tatx il-ħelsien mill-arrest lill-akkużat u għalhekk ir-raġel ittieħed il-ħabs ta’ Kordin.