Tkompli tirranka l-ħidma tad-Deputati Demokratiċi fil-Kungress Amerikan bi tħejjija għall-impeachment tal-President Donald Trump.
Dan hekk kif id-Demokratiċi ħarrku lis-Segretarju tal-Istat Amerikan Mike Pompeo biex jippubblika dokumenti dwar il-kuntatti bejn l-Amministrazzjoni Amerikana u l-Ukrajna.
Trump spiċċa fil-mira tal-iskrutinju tal-Kungress Amerikan wara li allegatament poġġa pressjoni fuq il-President tal-Ukrajna biex jinvestiga lil Joe Biden, eks Viċi President tal-Istati Uniti u s’issa, ir-rival ewlieni ta’ Trump għall-elezzjoni Presidenzjali tas-sena d-dieħla.
Donald Trump qed jallega li meta kien Viċi President, Joe Biden poġġa pressjoni fuq il-Gvern Ukren biex ikeċċi lill-prosekutur Ukren Viktor Shokin bil-għan li jipproteġi negozju li kien qed jimpjega lil iben Biden.
F’Lulju li għadda, Donald Trump kien tkellem mal-President il-ġdid tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky u kien qajjem il-kwistjoni tat-tneħħija ta’ Shokin u li fiha, allegatament għamel pressjoni biex ikun investigat Joe Biden.
Biden fil-fatt kien sejjaħ għat-tneħħija ta’ Shokin, iżda l-istess kienu għamlu diversi Gvernijiet ta’ pajjiżi tal-Punent li kienu qed iqisu lil Shokin li qed ixekkel il-ħidma sabiex tinqered il-korruzzjoni fil-pajjiż.
Pompeo safa mħarrek wara li naqas milli jipprovdi voluntarjament, id-dokumenti mitluba mid-Deputati fil-Kungress.
//= $special ?>