Lokali Mużika

Kanzunetta u video mużikali ġdid minn Luke Chappell

Sena biss ilu, ta’ ħmistax-il sena Luke Chappell, isem ġdid għax-xena mużikali, daħal fil-kompetizzjoni X Factor f’battalja mużikali ma’ artisti oħrajn. Bit-talent naturali bħala kantant, Luke – li jikteb il-lirika tal-kanzunetti tiegħu wkoll – irnexxielu mhux biss jimpressjona lill-ġurija, imma l-kariżma tiegħu serqet il-qlub tal-udjenza, li ġimgħa wara ġimgħa ivvotaw lil dan iż-żgħażugħ biex irnexxielu jakkwista post fis-semi finali u spiċċa fil-5 post.

Wara X Factor, Luke ma waqafx u jekk mhux jikteb aktar lirika, li hija l-passjoni tiegħu, Luke ikun fl-istudio (Railway Studio) jikkomponi u jirrekordja, u wkoll ikanta quddiem udjenza tal-anqas darbtejn fil-ġimgħa. F’Ġunju li għadda, Luke ħareġ “Head in the Clouds”, li apaprti li għadha tinstema’ fuq ir-radjijiet, tgawdi wkoll pożizzjoni fil-quċċata tal-Klassifika Mużikali u kienet ukoll fl-ewwel post għal tliet ġimgħat konsekuttivi fl-aqwa 10 ta’ Bay Radio. Din is-single għandha ‘l fuq minn 90k semmiegħ fuq Spotify u wkoll 14k hit fuq YouTube.

Luke Chappell jgħaddi ħafna ħin jagħti shows live, xi ħaġa oħra li hija għal qalbu. Imma jiddedika ħafna ħin għax-xewqa li jikteb il-lirika u jżewwiġa man-noti mużikali, flimkien sintendi, mal-irrekordjar fl-istudio. Dan wassal biex issa se joħroġ is-single ġdida “Human”, parti mill-album li qed jipprepara biex joħroġ is-sena d-dieħla u li se jkollu l-isem ta’ “Cosmic Heaven”. B’lirika qawwija u wkoll b’mużika tal-widna, “Human” ġiet deskritta minn dawk kollha li qed jikkollaboraw fuq l-album bħala waħda mill-aħjar li se jkun hemm fl-album imsemmi. Luke huwa persuna artistika wkoll u għalhekk flimkien ma’ Steven Levi Vella, id-direttur tal-video mużikali, miġbud minn Andrew Randon, dan il-video żgur li se jkollu impatt ma’ dawk li se jarawħ, u fuq kollox huwa wkoll qabża ‘l fuq mill-video “Head in the Clouds”.

Il-video mużikali l-ġdid żgur li m’għandux jintilef minn dawk kollha li qed jappoġġjaw dan it-talent ġdid. Nistennew u ngħoddu l-ġranet sal-1 ta’ Ottubru biex insegwuħ!