Atletika Sport

L-isportività tiddomina fl-ewwel ġurnata hekk kif Suncar jerfa’ lil Busby wara l-linja.

Huwa verament każ rari li f’kampjonati dinjija tal-atletika, l-attenzjoni ewlenija ma tkunx fuq ir-rebbieħa. Madankollu mingħajr ebda dubju, fil-ftuħ ta’ dawn il-kampjonati li qegħdin isiru f’Doha, il-Qatar, kulħadd qed jitkellem fuq żewġ atleti li spiċċaw l-aħħar u li ġibdu l-ammirazzjoni ta’ kulħadd. 

Il-ġest li għamlu kien apprezzat minn miljuni madwar id-dinja hekk kif l-eroj mhux mistenni kien Braima Suncar minn Guinea Bissau, li spiċċa fid-19-il post fl-ewwel heat tal-Ewwel Round fuq distanza ta’ 5000 metru.  

Dan l-atleta seraq il-qlub ta’ kulħadd fl-istadium ippakkjat ta’ Khalifa. Suncar wettaq att sportiv kbir meta l-atleta Jonathan Busby minn Aruba, li kien qed ibati biex itemm it-tellieqa, waqaf u ma kienx qed iħossu sew. Kif innota dan kollu, Suncar waqaf u refa’ lil Busby. Dak il-ħin il-pubbliku sportiv preżenti nfexx f’ċapċip kbir.

 “It-tnejn ġejna biex nirrappreżentaw lil pajjiżna. Ma tajtx kas tar-reazzjoni tal-pubbliku. Għamilt u ffukajt biss li ngħinu sabiex jispiċċa t-tellieqa. Kienet esperjenza mill-isbaħ li rnexxieli nikkompeti fl-ewwel Kampjonati Dinjija għal  Guinea Bissau.”