It-tnedija tad-dokument ta’ qabel il-budget 2020, bit-tema A Balanced Economy, A Sustainable Society, maħruġ mill-Partit Nazzjonalista, ġab miegħu reazzjoni pożittiva mill-imsieħba soċjali.
Josef Vella, Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers, elenka numru ta’ proposti fid-dokument li juru kif l-Oppożizzjoni tat widen għal dak li jisħqu l-unjins:
“Hemm sensiela ta’ proposti relatati mad-dinja tax-xogħol, kemm dak li huma benefiċċji biex ngħixu ħajja ta’ kwalità aħjar, fejn jidħol l-użu ta’ sick leave tal-ġenituri mat-tfal tagħhom, kif ukoll it-taxxa tal-overtime tal-ħaddiema.”
Il-proposti msemmija jitrattaw li kull sahra jew xogħol part-time jiġi ntaxxat sa massimu ta’ 10% u li s-sick leave li ma jintużaw mill-ġenturi fl-aħħar 6 snin għandu jintuża f’każ ta’ mard fil-familja.
Għalhekk l-appell lill-Gvern biex ifittex jadotta dawn il-proposti fil-baġit li jmiss għall-ġid tal-ħaddiema, il-pensjoni, l-istudenti u l-familji tagħhom.
“Tajjeb li issa, mhux biss l-Oppożizzjoni tisma’, però li fl-aħħar mill-aħħar, il-Gvern jisma’ ħalli nimplimentaw dawn il-proposti. Ma jibqgħux biss proposti fuq il-karta, imma jekk il-Gvern jagħti widen għal dawn il-proposti ġejjin mill-imsieħba soċjali u l-partiti politiċi, inkunu nistgħu ndawruhom f’xi ħaġa reali, ħalli minnhom tgawdi s-soċjetà, il-ħaddiema, il-penzjonanti, il-familji u ż-żgħażagħ tagħna.”
Intant, il-Viċi President tal-GRTU, Philip Fenech, faħħar l-impenn tal-Oppożizzjoni li tara li jissaħħu s-servizzi li joffri l-istat, li lkoll m’għandhomx biżżejjed riżorsi allokati biex ilaħħqu mad-domandi għolja f’bosta perjodi tas-sena:
“Xi ħaġa li nnutajna fid-dokument hija li l-cost base tal-Gvern kibret. Hemm servizzi tal-istat oħrajn li qegħdin lura u mhumiex qegħdin ilaħħqu mat-tkabbir fl-ekonomija. Per eżempju, jidher li l-pulizija, l-isptar, it-tindif u l-manutenzjoni huma stressjati.”
Fenech elenka bosta problemi li qed jaffaċċjaw n-negozji ż-żgħar u li jeħtieġ il-Gvern jindirizza serjament fil-baġit li jmiss. Wieħed isemmi l-kirjiet għoljin immens li qed jaffaċċjaw l-impjegati, il-problemi biex in-negozji jsibu ħaddiema Maltin u barranin imħarrġa fis-setturi rispettivi u b’kont bankarju personali f’Malta, u l-prodotti impurtati bil-baħar, li mhux dejjem jitħallsu t-taxxi dovuti. Ma tonqosx il-kwistjoni li qed teskala bla kontroll tat-traffiku, li qed tħarbat il l-loġistika tan-negozji u tqassam tax-xogħol:
“Qed idumu aktar fit-traffiku u allura mhux qed iqassmu kollox f’ġurnata li tikkawża żieda fl-ispejjeż tal-petrol. Dak li kont tagħmel f’ġurnata, ikollok tagħmlu f’jumejn u anki aktar.”
//= $special ?>