Futbol Sport

Tasal l-ewwel telfa għal Santa Lucia

Rowen Camilleri 

SIRENS…………………. 3 

SANTA LUCIA……… 1 

Sirens: D. Cassar, R. Grech, W. De Oliveira, R. Dos Anjos, E. Okoye, L. Memezes, A. Borg, I. Adeshina (L. Sciberras 91’), F. Cheveresan, R. Romao, T. Espindola 

Sta. Lucia: R. Caruana, G. Mentz, D. Mendoza, J. Magri Overend, D. Segura, K.Rosero, J. Walker, F. Zuniga, J. Zerafa (O.Elouni 64’), C. Escobar, R. Tachikawa (D. Agius 82’) 

Imwissija: R. Grech 35’ (SI), J. Walker (SL) 

Skorjaw: I. Adeshina 10’, 50’, W. De Oliveira 78’ (SI), D. Segura 30’ (SL) 

Referee: Alex Johnson 

Assistenti Referees: Ivan Galea u Paul Apap 

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: I. Adeshina (Sirens) 

BOV Plejer tal-logħba: I. Adeshina (Sirens) 

Attendenza: 688 

Fit-tieni partita fl-iStadium taċ-Ċentinarju,  Sirens taw l-ewwel telfa lil Santa Lucia hekk kif wara li ddominaw it-tieni taqsima għelbuhom bl-iskor ta’ 3-1. 

Sirens, immexxija mil-kowċ Steve D’Amato, għamlu tlett bidliet mill-iskwadra li tilfet 4-0 kontra Ħamrun Spartans fejn minflok Bustos, Cesani u Arab bdew il-partita Ryan Grech, Lucas Memezes u Romeu Romao. Minn naħa l-oħra Oliver Spiteri għamel żewġ bidliet mill-aħħar partita b’ Jamie Magri Overend u Diego Segura jibdew minflok Daniel Agius u Wilkerson Gomes. 

Wara seba’ minuti logħob free-kick għal Sirens li nkariga ruħu minnu Romao, ix-xutt tiegħu kien iddevjat mill-barriera u għal ftit ma’ qarraqx bil-gowlkiper Ryan Caruana li kellu jdawwar il-ballun f’korner. Tlett minuti wara Sirens marru fil-vantaġġ, kien korner ta’ Espindola, bil-plejer IGE ABDULLAHI ADESHINA għola tajjeb bir-ras u għeleb lil Caruana. 

Fit-30 minuta l-isforzi ta’ Santa Lucia ġew premjati hekk kif minn pass tajjeb ta’ Jamie Zerafa, DIEGO SEGURA ma’ jfalliex minn quddiem Cassar biex għamel l-iskor indaqs. 

L-aħħar azzjoni perikoluża tal-ewwel taqsima waslet minn Sirens, fejn wara taħwida taħt il-lasta ta’ Caruana, finalment kien Cheveresan li xxutja għoli biex l-ewwel taqsima ntemmet fid-dro bbilanċjat ta’ 1-1. 

Sirens bdew tajjeb fit-tieni taqsima u fil-50 minuta reġgħu marru fil-vantaġġ meta Memezes inkariga minn korner li sab lil Cheveresan li bir-ras niżżel tajjeb lejn IGE ABDULLAHI ADESHINA b’dan tal-aħħar jixxutja bix-xellug u jegħleb lil Caruana għat-tieni gowl ta’ Sirens u tiegħu personali. 

Sirens baqgħu jippersistu wara l-gowl u fis-66 minuta reġa’ kellhom ċans tajjeb, Adeshina jqassam fil-kaxxa lejn Dos Anjos li xxut tiegħu ġie salvat f’korner minn Caruana. 

Fl-74 minuta jerġhu jkunu Sirens bil-periklu hekk kif ħarba veloċi mix-xellug ta’ Wellington iżda x-xutt tiegħu kien salvat f’ korner. Erba’ minuti biss wara, Sirens reġgħu skorjaw meta kien wieħed mill-aħjar plejers fil-ground WELLINGTON DE OLIVEIRA li rċieva ballun tajjeb mingħand Romao u b’xutt tajjeb ma’ ta l-ebda ċans lil Caruana jsalva. 

Fit-92 minuta De Oliveira reġa ħarab ħarba tajba mil-lemin iżda x-xutt tiegħu ġie salvat f’korner minn Caruana li ħareġ tajjeb minn postu fil-ħin biex ċaħħad lil Sirens mir-raba’ gowl.