Lokali

Tkompli t-tellieqa għal-leader tal-Partit Laburista

Attivisti Laburisti jinsabu għaddejjin fuq kampanja mhux uffiċjali għal diversi kandidati biex jieħdu post Joseph Muscat. Dan għalkemm nies viċin il-Prim Ministru qed jgħidu li m’għandu l-ebda ħsieb li jirtira mill-kariga.

Sorsi li tkellmu ma’ netnews qalulna li lbierah filgħaxija l-ħbieb ta’ Robert Abela organizzaw attività ġewwa Ħal Farruġ, biex b’hekk ikun jista’ jibda jwitti t-triq għal din it-tellieqa, biċ-ċans li jieħu post Joseph Muscat.

Anke l-Ministru Owen Bonnici għaddej b’ħidma qawwija viċin id-delegati u l-attivisti tal-partit. Tant li fl-aħħar ġimgħat organizza attività kbira għall-partitarji laburisti biex juri s-saħħa tiegħu.

Survey li kien sar internament mill-ġurnal Times of Malta aktar kmieni dan ix-xahar wera li fuq quddiem ta’ din it-tellieqa hemm il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne, bl-MEP Miriam Dalli ferm viċin tiegħu. Isegwuhom hemm imbagħad Konrad Mizzi, Ian Borg u Robert Abela.

Joseph Muscat kien qal li beħsiebu jċedi s-siġġu qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss, però sorsi qed jgħidu li jista’ jkun li wara l-baġit tibda t-tellieqa biex jintgħażel is-suċċessur tiegħu. Uħud qed isostnu wkoll li Muscat jibqa’ jservi bħala Prim Ministru għal sitt xhur wara li jinħatar il-leader il-ġdid tal-Partit Laburista.

Skont l-Istatut tal-Partit Laburista, l-iktar żewġ kandidati li jġibu voti minn fost id-delegati, jgħaddu għal elezzjoni finali li fiha jivvutaw it-tesserati kollha tal-Partit. 

Fid-dawl ta’ dan kollu…. il-Prim Minsitru nnifsu se jkun ta’ influwenza kbira għal dawk li se jivvutaw.