Budget 2020

VIŻJONI PN: Ekonomija b’ruħ soċjali

Id-dokument ta’ qabel il-budget huwa l-viżjoni tal-PN għal pajjiżna: A Balanced Economy, A Sustainable Society. L-akbar nuqqas li għandu bħalissa pajjiżna huwa li it-tkabbir ġej minn żvilupp bla pjan u bla rażan. Għandna Gvern b’politika li ffukata fuq l-immedjat mingħajr ma tqis il-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet ta’ għada.

Gvern Nazzjonalista jkattar il-ġid biex jitgawda mill-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada. Il-Gvern preżenti ġelled l-ekonomija mal-ambjent u ħoloq pajjiż b’rata allarmanti ta’ tniġġis u konġestjoni. Gvern immexxi mill-PN jbiddel dan kollu. Din hi l-Malta li rrid jien, din hi l-Malta li jridu l-Maltin u l-Għawdxin kollha. Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat fuq NET FM.

Adrian Delia tkellem ukoll dwar l-aktar minn 100 proposta li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista, fosthom li kull sahra jew xogħol part-time jiġi ntaxxata sa massimu ta’ 10%. Din hi proposta maħsuba biex tħalli aktar flus fil-bwiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Il-Partit Nazzjonalista, fil-qafas tad-diskussjoni tal-budget qiegħed janalizza s-sitwazzjoni, jara x’inhuma l-isfidi u jipproponi soluzzjonijiet. Dan meta l-Gvern qed ikabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni liema mudell ekonomiku qed iħalli impatt negattiv fuq bosta setturi.

Adrian Delia spjega kif din il-ġimgħa, l-Oppozizzjoni kitbet lill-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament, il-PAC, sabiex minnufih jifli l-każ żvelat mill-midja Franciza. Il-PAC għandu, iżda mhux biss, iħarrek u jisma’ x-xhieda tal-persuni kollha nvoluti u jitlob id-dokumenti kollha meħtieġa.

Għal dawn l-iskandli li ġew żvelati mill-midja huwa responsabbli politikament il-Prim Ministru Joseph Muscat. Dan qed itappan ir reputazzjoni ta’ Malta u jpoġġi eluf ta’ jobs f’riskju, qal Dr Delia. Il-PN mhux se jieqaf hawn u se jieħu l-passi kollha, inkluż dawk legali, biex jiddefendi lill-poplu quddiem din il-ħniżrija politika li ma tixraqx f’pajjiż suppost ħieles u demokratiku temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.