Liverpool għelbu lil Sheffield United fi Bramall Lane biex irreġistraw is-seba’ rebħa konsekuttiva fil-Premier League mill-bidu tal-istaġun. Dan waqt li ċ-Champions Ingliżi, Manchester City, issuperaw l-isfida ta’ Everton f’Goodison Park u komplew bl-isfida għat-tim ta’ Jurgen Klopp li żamm il-vantaġġ ta’ ħames punti fil-quċċata tal-klassifika.
Intant ir-Reds kellhom ibatu aktar milli mistenni għall-punti u kellu jkun żball kbir tal-gowlkiper Dean Henderson li, f’nofs it-tieni taqsima, ħalla x-xutt dgħajjef ta’ Georginio Wijnaldum jgħaddi minn taħtu għall-uniku gowl tal-logħba. It-tentattiv ta’ Wijnaldum, fil-fatt, kien l-ewwel wieħed dirett fuq il-lasta ta’ Henderson tul il-logħba, iżda l-manager ta’ Liverpool, Jurgen Klopp, wara, insista li t-tim tiegħu ‘kien ħaqqu r-rebħa’ biex kompla bil-bidu perfett għall-kampjonat.
Madankollu, ir-riżultat – irrispettivament mill-kummenti ta’ Klopp — jista’ jitqies bħala kiefer wisq mal-Blades li qasmu l-logħob ma’ Liverpool għal ħafna ħinijiet u bis-sostitut Leon Clarke (li kien qed jiddebutta fil-Premier League fl-età ta’ 34 sena) ifalli ċans tajjeb li jikseb parità meta spara għoli tard fil-logħba.
Manchester City komplew bil-forma tajba għand Everton, li tilfu s-servizzi ta’ Theo Walcott wara biss erba’ minuti meta l-attakkant kien involut fi sfida għall-ballun ma’ Ryan Sterling u ħareġ imweġġa’. Ilkay Gundogan laqat il-mimduda fit-12 il-minuta, b’Kevin de Bruyne, imbagħad, jgħaddi ballun fuq platt lil Gabriel Jesus (25) biex jiftaħ l-iskor għal City.
Everton wieġbu fit-33 minuta meta Coleman għadda l-ballun minn fuq il-gowlkiper, Ederson — b’Calvert-Lewin ikompli għal ġewwa bir ras għall-1-1 sal-mistrieħ.
Intant, is-Citizens urew il-klassi tagħhom fit-tieni taqsima, b’Riyad Mahrez jiskorja ġmiel ta’ freekick (72) li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Pickford, b’Raheem Sterling, ħames minuti mit-tmiem, jagħmilhom tlieta meta x-xutt tiegħu ħabat mal-mimduda u bil-ballun jaqbeż il-linja fatali għall-gowl deċiżiv.
Aston Villa kienu miċħuda mit-tieni rebħa tal-istaġun fejn kienu miżmuma fi draw, 2-2, ma’ Burnley ġo Villa Park. Anwar El Ghazi (33) poġġa lill-Villains fil-vantaġġ fuq il-cross ta’ Guilbert iżda fit-tieni taqsima, Burnley għamluhom 1-1 minn Jay Rodriguez (68) – b’McGinn jiskorja mill-ġdid għal Villa żewġ minuti wara. Intant, ir-reazzjoni tal-Clarets kienet immedjata, bi Chris Wood isib ix-xibka bir-ras biex jaċċerta minn punt diffiċli minn logħba missielta.
Draw ieħor ta’ 2-2 kien dak fil-Vitality Stadium bejn Bournemouth u West Ham United. Il-logħba kienet movimentata, b’Andriy Yarmolenko jsib ix-xibka wara biss għaxar minuti u b’Joshua King iwieġeb seba minuti wara – bil-gowl ikun konvalidat wara konsultazzjoni mal-VAR.
Bournemouth, imbagħad, kisbu l-vantaġġ minn Callum Wilson wara biss 27 sekonda mill-ftuħ tat-tieni taqsima, iżda l-aħħar kelma kienet ta’ Aaron Cresswell li kiseb parità b’volley perfett u fejn ċaħad liċ-Cherries mit-tielet rebħa konsekuttiva fil-kampjonat.
Chelsea kisbu l-ewwel rebħa f’darhom (fil-league) taħt it-tmexxija tal-manager Frank Lampard, bis-suċċess, 2-0, ikun wieħed meritat peress li l-Blues kienu għal kollox superjuri għall-avversarji, Brighton.Ir-rebħa tfisser li Chelsea rebħu d-disa’ konfronti kollha ma’ Brighton fl-ogħla diviżjoni li hu rekord għal kull żmien fil-Premier League.
L-ewwel gowl ta’ Chelsea wasal mill-penalty ta’ Jorginho (50) għall-fawl ta’ Webster fuq Mason Mount, b’Willian jissiġilla r-rebħa meta kompla għal ġewwa l-azzjoni ta’ Callum Hudson-Odoi fis-76 minuta.
Luka Milivojevic fetaħ l-iskor għal Crystal Palace minn penalty fir-rebħa tal-Eagles, 2-0, fuq Norwich City f’Selhurst Park. Il-gowl kellu sinifikat speċjali għall-captain ta’ Palace li kien qed jiċċelebra l-100 preżenza tiegħu mal-klabb – bil-penalty jingħata għall-fawl ta’ Amadou fuq James McArthur fil-21 minuta. Il-Canaries għamlu li setgħu biex jidħlu fil-logħba iżda gowl ieħor għal Palace — skurjat minn Townsend fit-92 minuta – għalaq kull diskors dwar id-destinazzjoni tal-punti.
Tottenham Hotspur għelbu lil Southampton, 2-1, f’Londra minkejja li lagħbu madwar siegħa bi plejer anqas wara t-tkeċċija ta’ Serge Aurier, fil-31 minuta, għal fawl fuq Ryan Bertrand.
Spurs – li ftit jiem ilu kienu umiljati minn Colchester United ta’ League Two fil-Carabao Cup – fetħu l-iskor bix-xutt qawwi ta’ Tanguy Ndombele (24) iżda fid-39 minuta, Danny Ings seraq il-ballun lill-gowlkiper Lloris u xeħet ġewwa għall-1-1. Intant, Tottenham kisbu l-gowl deċiżiv żewġ minuti qabel il-mistrieħ meta Harry Kane ma żbaljax mill-viċin fuq l-assist ta’ Eriksen.
Wolves ħadu ftit tan-nifs b’rebħa f’darhom, 2-0, fuq Watford li għadhom l-aħħar fil-klassifika b’żewġ punti biss minn seba’ logħbiet. It-tim ta’ Nuno Espirito Santo ħarġu determinati għall-punti, b’Matt Doherty jegħleb lil Ben Foster għall-1-0 wara 18-il minuta u bil-logħba ma jibqalhiex storja wara l-awtogol ta’ Daryl Janmaat (61) –b’Wolves jamministraw il-vantaġġ doppju mingħajr wisq affann.
//= $special ?>