Futbol Sport

Żewġ gowls fl-aħħar kwarta jżommu lil Ħamrun fil-quċċata

George Cassar

SENGLEA ATHLETIC – 1 

ĦAMRUN SPARTANS – 3 

Senglea A. : A. Curmi, M. Dias, M. Micallef, S. Olberkis, M. Todorovic (A. Spiteri 86’), D. Xuereb (J. Tanti 80’), E. Sakyi, L. Grech (S. Cipriott 60’), T. Marukawa, Wilkson, W. Zamble 

Ħamrun S.: M. Bartolo, K. Micallef, C. Failla, O. Nikolopoulos, M. Cinquini, T. Caruana, V. Ahinho (B. Schembri 79’), N. Leone, S. Lagzir (K.L. Schembri 83’), M. Criaco, W. Domoraud (R. Darmanin 88’) 

Imwissija: D. Xuereb 32’ (S), K. Micallef 53’ (Ħ), S. Cipriott 62’ (S), M. Dias 77’ (S), E. Sakyi 85’ (S), B. Schembri 95’ (Ħ) 

Skorjaw: V. Alhinho 10’ (Ħ), L. Grech – pen. 16’ (S), M. Criaco – pen. 77’ (Ħ), S. Lagzir 80’ (Ħ) 

Referee: Ishmael Barbara 

Assistenti Referees: Duncan Spencer, James Muscat 

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: W. Domoraud (Ħ) 

BOV Plejer tal-logħba: N. Leone (Ħ) 

Attendenza: 2,454 

Ħamrun Spartans skurjaw darbtejn fl-aħħar kwarta biex kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva li tħallihom fl-ewwel post daqs Floriana iżda b’differenza ta’ gowls aħjar. Wara bidu pożittiv tal-kampjonat, din kienet it-tieni telfa wara xulxin għal Senglea li iżda xorta tħallihom f’nofs il-klassifika. 

Il-partita kienet waħda bilanċjata għal ħafna mill-ħin iżda fit-tieni taqsima l-Ispartans kienu ftit iktar perikolużi u skurjaw żewġ gowls f’temp ta’ tliet minuti f’ħin kruċjali.  

Għat-tim immexxi minn Manuele Blasi ddebutta n-nofsani Valdo Alhinho li diġà lagħab fil-Premier bil-flokkijiet ta’ Sliema Wanderers, Floriana u Valletta. Il-Portugiż kellu impatt immedjat hekk kif kien hu li bidel l-ewwel l-iskor wara għaxar minuti. Marco Criaco rebaħ il-ballun minn fuq David Xuereb f’nofs il-grawnd bil-ballun jispiċċa għand Valdo Alhinho li ma damx wisq jaħsibha biex ixxuttja xutt mill-bogħod bix-xellug li ssumma lill-gowlkiper Anthony Curmi li seta’ biss jibqa’ jħares lejn il-ballun fir-rokna ta’ fuq tax-xibka. 

Il-vantaġġ ta’ Ħamrun dam biss ħames minuti għax mal-kwarta logħob Senglea skurjaw il-gowl tal-parità. Wara azzjoni li dehret mitlufa, Wilfried Zamble ħa l-ballun u twaqqa’ mill-gowlkiper Manuel Bartolo. Ir-referì Ishmael Barbara iġġudika penalty li ġie skurjat minn Leighton Grech. 

Iktar ma beda jgħaddi l-ħin Ħamrun bdew iżidu fid-doża tal-attakki u kwarta mit-tmiem, ir-referì saffar it-tieni penalty tal-partita din id-darba favur il-Ħamruniżi wara li ġġudika li Marcelo Dias waqqa’ lil Wilfried Domoraud waqt li kien qed idur lejn il-lasta. Marco Criaco poġġa lill-Ħamruniżi fil-vantaġġ wara li għeleb lil Anthony Curmi mill-penalty. 

Tliet minuti wara Ħamrun serrħu moħħhom mir-rebħa hekk kif skurjaw it-tielet gowl. Wilfried Domoraud kellu xutt minn pożizzjoni angolata li kien salvat minn Anthony Curmi, iżda l-ballun reġa’ ġie għandu u kien pront għaddieh għan-nofs lejn Soufiane Lagzir li tefa’ fix-xibka b’xutt fil-baxx u b’hekk żied il-festa tal-partitarji Ħamruniżi li kienu qed jiċċelebraw l-ewwel post fil-Premier għal ġimgħa oħra.