Lokali

Chetcuti Cauchi mhux se jegħrqu waħedhom

Il-kumpanija legali Chetcuti Cauchi li ddominat l-aħbarijiet matul din il-ġimgħa wara li ġurnalisti Franċiżi implikawha ma’ rabtiet mill-qrib ma’ membri tal-Kabinett tal-Ministri ta’ Joseph Muscat u aġenti tal-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, kienet sorpriża ħafna għall-għaġla tal-Gvern li jissospendilha l-liċenzja għall-bejgħ tal-passaporti.

Sorsi qrib il-kumpanija li nhar il-Ġimgħa tkellmu b’mod kunfidenzjali ma’ il-mument żvelaw li l-kumpanija Chetcuti Cauchi ma ħadet gost xejn la li spiċċat fil-mira tal-ġurnalisti Franċiżi u, aktar u aktar, tal-immedjatezza tal-Gvern li jissospendilha l-liċenzja għall-bejgħ tal-passaporti li minn meta tnehdiet l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti rrendiet lill-kumpanija l-miljuni tal-ewro.

L-istess sorsi qalu li l-pożizzjoni tal-kumpanija dwar il-programm ‘Enquête Exclusive’ tat-22 ta’ Settembru meta xxandar ix-xogħol ġurnalistiku f’Malta tal-ġurnalisti Franċiżi, diġà hi ċara fis-sens li l-kumpanija ċaħdet l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tagħha wara dak li xxandar.

In vista ta’ din iċ-ċaħda l-kumpanija Maltija qatt ma stenniet li l-Gvern ikun pront li jissospendilha l-liċenzja għall-bejgħ tal-passaporti bil-ħsara u r-riperkussjonijiet – anki għall-isem tal-istess kumpanija f’fora internazzjonali – li l-istess kumpanija Chetcuti Cauchi qed u tista’ ġġarrab fil-preżent u fil-futur.

Kien hawnhekk li s-sorsi ta’ il-mument kienu iebsa ħafna – u saħansitra talbuna biex nikkwotawhom b’mod preċiż – li “l-kumpanija żgur li ma tkunx lesta li tegħreq waħidha. Fin-nofs ma hemmx biss l-attrazzjoni tal-investiment lejn Malta u l-flus, imma hemm ukoll ir-reputazzjoni tal-kumpanija.”

Mitluba biex jiċċaraw dan il-kliem iebes – li aħna niddeskrivuh ukoll bħala twiddiba lil xi ħadd jew aktar – is-sorsi ta’ il-mument qalu li “min għandu jifhem, żgur li se jifhem”.

Dan l-iskandlu ġdid – ir-raba’ wieħed għal dan ix-xahar ta’ Settembru – inkixef hekk kif rappreżentanti tal-kumpanija legali Chetcuti Cauchi nqabdu minn ġurnalisti Franċiżi armati b’kamera moħbija jikkummentaw dwar il-manuvri tagħhom biex ibiegħu l-passaporti bl-iskema tal-IIP. L-identità ta’ dawn ir-rappreżentanti ġiet moħbija mill-produzzjoni.

F’mument waqt il-programm ‘Enquête Exclusive’ xxandret ukoll stqarrija xokkanti minn wieħed mir-rappreżentanti tal-kumpanija jispjega kif fil-proċess biex tikseb il-passaport Malti b’din l-iskema “jistgħu jagħlqu għajnejhom”.

Dan apparti li fil-programm il-produzzjoni dwar l-investigazzjoni f’Malta mill-ġurnalisti Franċiżi tirreferi għat-tmexxija tal-Gvern f’Malta bil-frażi “ġenna ta’ korruzzjoni”.

Mill-investigazzjoni tal-ġurnalisti Franċiżi rriżulta wkoll li wieħed mill-aġenti tal-bejgħ taċ-ċittadinanza ftaħar ma’ klijent prospettiv dwar influwenza u rabtiet mal-Prim Ministru u l-Gvern Laburista.

Sadattant matul il-jiem li għaddew il-midja żvelat filmati promozzjonali li ntużaw minn din id-ditta, li partijiet minnu kienu ffilmjat ukoll fil-kamra fejn is-soltu jiltaqa’ l-Kabinett u li fih jidhru s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli, il-Kap Eżekuttiv tal-IIP Jonathan Cardona, u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Residency Visa Agency Roderick Cutajar fost l-oħrajn.

Fil-programm ingħad ċar li l-ġurnalisti Franċiżi kienu qed jippużaw taparsi aġenti ta’ klijenti fl-Afrika li riedu jixtru ċ-ċittadinanza Maltija.

Fl-istess programm ir-rappreżentanti Maltin ma jiddejqu xejn isemmu l-ħbiberiji li għandhom mal-Prim Ministru Joseph Muscat u mas-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli. Lil hinn minn hekk ukoll huma ma jonqsux li jżeffnu fin-nofs ukoll isem il-Ministru Owen Bonnici.

Bla dubju ta’ xejn li din is-sajjetta fil-bnazzi għall-kumpanija Chetcuti Cauchi kienet ukoll daqqa ta’ ħarta kbira oħra għal Joseph Muscat li qed ikompli jara l-bastiment tiegħu jimtela’ b’aktar toqob bl-ilma jidher u jinħass dieħel minn kullimkien.

Joseph Muscat, b’dahru mal-ħajt u kostrett li jiċħad dak kollu li kien żvelat f’dani l-programm, bil-ġiri ssospenda lill-kumpanija Chetcuti Caruana l-liċenzja tal-bejgħ tal-passaporti.

Anki dwar din l-immedjatezza s-sorsi ta’ il-mument ikkummentaw u staqsew għaliex fir-rigward ta’ Henley and Partners il-Gvern ma kienx aġixxa bl-istess għaġla.

“U qed nillimitaw il-mistoqsija biss għal Henley and Partners… għaliex fil-konfront ta’ dik il-kumpanija u tant dellijiet li kienu tpoġġew fuqha ma kenux ittieħdu passi immedjati, iżda fil-konfront ta’ dak li ngħad dwar Chetcuti Cauchi – fejn l-istess kumpanija ċaħdet bil-qawwa kollha – il-mekkaniżmu tal-Gvern niżel b’forza kbira?” staqsew is-sorsi ta’ il-mument.

Sadattant fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu li qiegħed ikompli jiżviluppa minn mument għal ieħor, għaliex il-ġurnalisti Franċiżi responsabbli minn din l-investigazzjoni f’Malta jista’ jkollhom fil-komma aktar sorpriżi xejn sbieħ fuq il-Kabinett ta’ Joseph Muscat, l-Oppożizzjoni nhar il-Ħamis li għadda kitbet uffiċjalment lill-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament (PAC) biex minnufih jifli l-każ li kien żvelat mill-midja Franċiża fejn kumpanija involuta fil-bejgħ tal-passaporti nqabdet tiftaħar li għandha rabtiet u influwenza fuq il-Prim Ministru, fuq Ministri u fuq Segretarji Parlamentari oħra tal-Gvern Laburista.

L-Oppożizzjoni talbet lill-PAC biex, fost oħrajn, iżda mhux biss, iħarrek u jisma’ x-xhieda tal-persuni kollha involuti u jitlob id-dokumenti kollha meħtieġa għal dan il-għan.

Dwar dan, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kkummenti ma’ il-mument li l-investigazzjoni li saret mill-istazzjon Franċiż M6 terġa’ tikkonferma dak li issa ilha tgħid l-Oppożizzjoni – li l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti hi skema li qiegħda tkisser ir-reputazzjoni ta’ Malta u qed tagħti wkoll isem ħażin lil pajjiżna.

Adrian Delia qal li dan ifisser theddida għall-eluf ta’ impjiegi f’diversi setturi importanti għal pajjiżna, fosthom is-servizzi finanzjarji li jiddependu fuq ir-reputazzjoni tajba ta’ pajjiżna.

Hu qal li dan il-każ jiżdied ukoll mar-rapport tal-Moneyval u mar-rapporti ta’ goldenshake fl-MFSA li kienu żvelati wkoll fil-midja.

Adrian Delia kompla li dan kollu hu politikament responsabbli għalih il-Prim Ministru Joseph Muscat għaliex żamm taħtu r-responsabbiltà tal-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza. Dan għaliex kemm-il darba jmur jiftaħar li hu salesman ta’ din l-iskema, minflok ikun statesman u jieħu d-deċiżjonijiet mistennija minnu biex iħares ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.