Futbol Sport

FILMAT: Fiorentina jkabbru l-kriżi ta’ Milan

Il-bidu ta’ staġun diffiċli għal Milan kompla hekk kif kienu megħluba 3-1 f’darhom minn Fiorentina. Din kienet ir-raba’ telfa minn sitt logħbiet, sitwazzjoni li qed tkompli tkabbar l-inċertezza ta’ Marco Giampaolo bħala kowċ ta’ Milan.

Fiorentina marru fil-vantaġġ wara 14-il minuta meta ngħataw penalty. Franck Ribery wera l-kwalità tiegħu meta għadda bejn żewġ difensuri iżda kellu x-xutt fil-baxx salvat parzjalment minn Gianluigi Donnarumma. Federico Chiesa daħal biex jirbaħ il-ballun u kien imwaqqa’ minn Ismael Bennacer, bir-referee Piero Giacomelli jordna penalty li minnu s-solitu ERICK PULGAR ma żbaljax.

L-affarijiet komplew sejrin ħażin għal Milan meta fil-55 minuta tkeċċa d-difensur Matteo Musacchio għal fawl fuq Ribery, deċiżjoni li kienet konfermata bil-VAR. Fiorentina ħadu vantaġġ mis-superjorità numerika u rduppjaw fis-66 minuta meta Gaetano Castrovilli skorja minn pożizzjoni ċentrali wara li Donnarumma kien blokka parzjalment xutt ta’ Chiesa.

Erba’ minuti wara, Fiorentina ngħataw it-tieni penalty tal-logħba meta Castrovilli twaqqa’ minn Bennacer, iżda din id-darba Donnarumma salva tajjeb il-penalty ta’ Chiesa. Madankollu fit-78 minuta Franck Ribery inkuruna partita mill-aqwa bit-tielet gowl b’xutt fil-baxx. Milan skorjaw gowl ta’ konsolazzjoni żewġ minuti wara azzjoni personali ta’ Rafael Leao li skorja l-ewwel gowl fis-Serie A.

F’logħba oħra, Cagliari u Verona spiċċaw 1-1 fis-Sardegna Arena. Lucas Castro poġġa lil Cagliari minn fuq fid-29 minuta bi kross li ma laqtu ħadd u baqa’ dieħel fix-xibka. Verona ġabu d-draw fis-66 minuta meta Marco Faraoni ħa vantaġġ minn żelqa ta’ Fabio Pisacane u għeleb lil Robin Olsen.