Lewis Hamilton irritorna għar-rebħ meta għar-raba’ darba rebaħ il-Grand Prix tar-Russja f’Sochi u żamm ir-rekord pożittiv tal-Mercedes li baqgħu l-unika tim li rebaħ f’dan iċ-ċirkwit. Iċ-champions tad-dinja kisbu doppjetta mhux mistennija, riżultat li mmatura wara li s-sewwieq tal-Ferrari Sebastian Vettel kien sfurzat jirtira.
Ferrari kellhom bidu pożittiv hekk Vettel qabeż lil Charles Leclerc, ħadu l-ewwel żewġ postijiet u kienu qed jikkontrollaw it-tellieqa. Iżda fid-29 dawra, il-Ġermaniż temm it-tellieqa ħesrem minħabba problema teknika, f’mument meta Hamilton u Bottas ma kinux għadhom daħlu għal waqfa tagħhom.
Il-koppja tal-Mercedes ħadu kontroll tat-tellieqa, bil-Finlandiż iżomm lil Leclerc warajh għal doppjetta oħra f’dan l-istaġun. Leclerc kellu jikkuntenta bit-tielet post, bis-sewwieqa tar-Red Bull Max Verstappen u Alexander Albon jidħlu fir-raba’ u l-ħames post rispettivament.
Fil-klassifika ġenerali, Hamilton issa kabbar il-vantaġġ fil-quċċata għal 73 punt fuq Bottas. Il-Grand Prix li jmiss issir ġimagħtejn oħra fil-Ġappun.
//= $special ?>