Internazzjonali

Hong Kong: Aktar battalji bejn pulizija u dimostranti

Il-pulizija f’Hong Kong sparaw il-kanuni tal-ilma, il-gass tad-dmugħ u balal tal-gomma lejn dimostranti li wieġbu bil-bombi tal-petrol fost sensiela ġdida ta’ inċidenti vjolenti fit-territorju li jgawdi livell ta’ awtonomija miċ-Ċina. Il-konfronti kienu fost l-aħħar ħorox għal dawn l-aħħar tliet xhur ta’ dimostrazzjonijiet kontra l-Gvern ta’ Hong Kong.

L-agħar inċidenti spikkaw ġo distrett kummerċjali ewlieni kif ukoll fl-Admiralty district tal-uffiċini tal-Gvern ċentrali. Il-konfronti kienu ilhom għaddejjin mil-lejl tas-Sibt fejn id-dimostranti qabbdu l-ħuġġieġ fit-toroq.

L-awtoritajiet qalu li l-pulizija kienu qed jużaw ‘l-ammont tal-forza xierqa’ biex iferrxu ‘lid-dimostranti radikali’ miz-zoni partikulari. Dan fost rapporti li d-dimostranti, bil-maskri tal-wiċċ familjari, użaw l-umbrelel bħala ‘kenn’ waqt li l-pulizija kienu qed jitfgħulhom il-gass tad-dmugħ. Kien hemm ukoll rapporti dwar ‘tfigħ ta’ bombi tal-petrol’ lejl il-pulizija u lejn l-artijiet tal-uffiċini tal-Gvern ċentrali.

Intant, qed ikunu pjanati aktar protesti f’Hong Kong meta proprju għada – l-Ewwel ta’ Ottubru — iċ-Ċina timmarka s-70 anniversarju mit-twaqqif tar-Repubblika tal-Poplu.