Għalkemm l-istaġun tas-sajf intemm anqas minn xahar ilu, Sliema għamlu akkwist importanti għall-istaġun li ġej hekk kif ħabbru l-akkwist tal-gowlkiper tat-tim nazzjonali Malti Nicky Grixti mingħand Sirens. Bħala parti minn dan it-trasferiment, il-gowlkiper Malti-Awstraljan Joseph Parnis se jingħaqad ma’ Sirens. Grixti li għandu 23 sena, fl-aħħar snin sar wieħed mill-aqwa gowlkipers f’pajjiżna u ma kinitx sorpriża li sar il-gowlkiper regolari tat-tim nazzjonali Malti mmexxi minn Karl Izzo.
Il-gowlkiper żagħżugħ beda jduq l-ewwel esperjenza mat-tim ewlieni ta’ Sirens fl-2011 u fl-2012 meta kien il-gowlkiper ta’ riserva għal Joseph Sammut u Alan Grech biex fl-2013 hu lagħab fl-Ewwel Diviżjoni b’self ma’ Otters. Fl-2014 hu baqa’ ma’ Sirens u minn dakinhar sa dan l-istaġun, kien il-gowlkiper regolari tat-tim fejn impressjona mhux ftit bil-prestazzjonijiet tiegħu.
Għalkemm ma’ Sirens ma rebaħx unuri, Grixti rebaħ il-Plejer tax-Xahar f’Ġunju 2015, Ġunju 2017 u Lulju ta’ din is-sena. Minbarra li kien regolari fil-livelli ż-żgħar, mat-tim nazzjonali, Grixti kien fl-iskwadra u anki lagħab fl-aħħar żewġ edizzjonijiet tal-Kampjonat Ewropew li saru f’Belgrad fl-2016 u f’Barcelona s-sena l-oħra. Hu mistenni jkun fl-iskwadra Maltija għall-partiti mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni kontra r-Rumanija u l-Portugall ġimagħtejn oħra.
//= $special ?>