Il-Papa Franġisku ċanfar lill-pajjiżi ‘li jipproduċu l-armamenti għall-gwerer li qed isiru fi bnadi oħra’ u li, fl-istess ħin, ‘qed jirrifjutaw li jdaħħlu lir-refuġjati li spiċċaw jaħarbu mill-istess konflitti’.
Il-Kap tal-Kattoliċi, li l-ġenituri tiegħu kienu immigranti Taljani, hu difensur ewlieni tal-immigranti u kemm il-darba jitkellem kontra l-politiċi populisti tal-Ewropa li qed jopponu l-immigrazzjoni.
Il-Papa anki kritika kemm-il darba l-kummerċ bl-armi u d-diskors tiegħu lill-40,000 devot fi Pjazza San Pietru rabat flimkien l-issues tal-gwerra u l-immigranti, meta l-Knisja Kattolika kienet qed tfakkar il-Jum Dinji tal-Immigranti u r-Refuġjati.
Għall-quddiesa tallum, f’Ruma, attendew ħafna immigranti u membri tal-gruppi li qed jgħinuhom. Il-Papa, sadanittant, tenna li d-dinja ‘qed issir dejjem aktar elitista u krudili fir-rigward tal-ġnus li spiċċaw esklużi’ u li ‘il-Kristjani għandhom id-dmir li jieħdu ħsieb dawk kollha li qegħdin jibqgħu l-art f’din is-soċjetà.
Hu sostna li n-nies ma jistgħux jibqgħu indifferenti għall-iżolament u d-diskriminazzjoni li qegħdin ibatu n-nies li mhumiex aċċettati u li qed isibu l-bibien magħluqin f’wiċċhom.
//= $special ?>