Lokali

Joseph Muscat qed ikun xħiħ mal-verità, xħiħ ma’ min huwa l-iżjed fil-bżonn – PN

Mhux vera li ż-żieda fin-nefqa rikorrenti tal-Gvern ġiet biss minħabba l-ftehim kollettiv tas-settur pubbliku. Kemm ilu Prim Ministru Joseph Muscat in-nefqa tal-Gvern żdiedet minn €2.4 biljun għal €3.8 biljun li jfisser żieda ta’ €1.4 biljun jew żieda ta’ 65%. Ħadd mhu ser jemmen li din iż-żieda sejrin kollha fil-bwiet tal-ħaddiema tal-Gvern, kif prova jagħti l-impressjoni dalgħodu Joseph Muscat.

Il-PN permezz ta’ stqarrija qal li din iż-żieda fin-nefqa tal-Gvern saret biex Vitals ingħataw mijiet ta’ miljuni ta’ Ewro għalxejn. Din iż-żieda fin-nefqa tal-Gvern marret f’konsulenzi lill-ħbieb tal-ħbieb li qed jingħataw kuntratti li jiswew mijiet ta’ eluf ta’ ewro mingħajr sejħa pubblika. Qed imorru f’kampanji ta’ riklamar biex il-Gvern ta’ Joseph Muscat jaħbi l-problemi li hawn fil-pajjiż.

Qed imorru f’safar bl’addoċċ minn Ministri li qed jirrifjutaw li jagħtu akkont ta’ fejn marru, għalfejn marru u fiex nefqu il-flus tagħhom. Din in-nefqa minn naħa l-oħra m’hijiex qed tmur biex it-tfal tagħna jingħataw l-edukazzjoni li jistħoqilhom. Iktar minn nofs l-edukaturi jgħidu li jekk tiġi l-opportunità jitilqu l-impjieg tagħhom. It-tfal rritornaw lejn klassijiet bir-riħa ta’ moffa.

Oħrajn ser jibdew is-sena skolastika ġo mobile container. Din iż-żieda m’hijiex sejra biex tiżdied is-sigurtà, it-tindif u t-tisbiħ fil-lokalitajiet. M’hijiex sejra biex pajjiżna ikollu arja nadifa. M’hijiex sejra biex pajjiżna ikollu istituzzjonijiet b’saħħithom. Mhux sejra biex l-anzjani tagħna ikollu dħul diċenti. Illum wieħed minn kull erba’ anzjani qiegħed jgħix f’riskju ta’ faqar.

Joseph Muscat, minn New York ma ħassx li kellu jitkellem dwar dan imma għażel minflok li jattakka lill-Partit Nazzjonalista talli dan ħareġ bi proposti konkreti għall-kunsiderazzjoni tal-Gvern. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li hemm mod differenti ta’ kif għandha issir il-politika. Pajjiżna jixraqlu aħjar.