Knisja Lokali

“Kont barrani u lqajtuni”

Appell għal żvilupp li jirrispetta d-dinjità tal-bniedem

Jum il-Migranti u r-Refuġjati ġie ċċelebrat il-Ħadd permezz ta’ quddiesa fil-Knisja tal-Kapuċċini fil-Furjana, mill-Isqof Awżiljarju Monsinjur Joseph Galea Curmi, flimkien ma’ għadd ta’ Patrijiet Kapuċċini u Saċerdoti li jaħdmu mar-refuġjati u l-immigranti f’pajjiżna.

Fl-Omelija tiegħu, l-Isqof Awżiljarju saħaq li l-iżvilupp ekonomiku li jgawdi minnu pajjiż għandu jirrispetta d-dinjità tal-bniedem u jaħseb għal ġenerazzjonijiet futuri.

Il-kliem ta’ Ġesù “Dak kollu li għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi” għadu rilevanti llum, bil-prezz ta’ dinja elitista u kuridili qed titħallas miż-żgħir u dawk l-aktar vulnerabbli, u għalhekk l-ebda persuna m’għandha tispiċċa fl-iskart tal-istorja.

Monsinjur Galea Curmi fakkar ukoll fi kliem ieħor ta’ Ġesù “Kont barrani u lqajtuni” u appella biex ngħixu dan il-kliem mhux niċċensurawh. Wieħed m’għandux iċedi għal-loġika tant komuni fid-dinja li tiġġustifika l-inġustizzja mal-oħrajn biex ingawdi jien u dawk qrib tiegħi, tal-ewwel jien imbagħad jara Alla.

Kompla li r-razziżmu u l-istruttura tad-dnub jikkontradixxu x-xbieha tal-Ħallieq. Hu appella lill-Maltin biex wieħed imiss il-kordi sensittivi tal-umanità billi juri mogħdrija ma’ dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà għax b’hekk biss wieħed jistagħna aktar.

Ġesù jitlobna biex naħdmu ħalli negħlbu l-ispirtu individwalista li jħallina indifferenti għall-proxxmu tagħna u nħarsu lejh biss b’termini ta’ flus u ta’ kemm se ndaħħlu minn fuq dahru, tenna l-Isqof Awżiljarju.

Hu temm billi silet kliem il-Papa Franġisku, li fakkar kif “fiċ-ċentru ta’ kull attività politika, kull programm u kull azzjoni pastorali rridu nqegħdu dejjem lill-bniedem, fil-bosta aspetti tiegħu, inkluża d-dimensjoni spiritwali”.

L-ugwaljanza fundamentali fost il-bnedmin trid tkun magħrufa biex l-iżvilupp ma jkunx ristrett għal tkabbir ekonomiku waħdu, iżda li jieħu ħsieb jgħin l-iżvilupp ta’ kull bniedem b’mod sħiħ.