Żdied l-inkwiet li konkorrenza baxxa ta’ votanti fl-elezzjoni għall-President tal-Afganistan kapaċi ‘tgħarraq’ il-vot tas-Sibt. Dan fost il-possibbiltà li riżultat li ma jkunx ċar idaħħal lill-pajjiż f’jerġa’ aktar kaos, wara snin twal ta’ gwerra.
Il-kalkoli mhumiex uffiċjali huma li ftit aktar minn żewġ miljuni (mal-20 fil-mija tal-votanti reġistrati) eżerċitaw id-dritt tal-vot fl-elezzjoni – biċ-ċifra tindika daqqa kbira ‘l isfel mis-seba’ miljuni li vvutaw fl-elezzjoni tal-2014 għall-Presidenza Afgana.
Is-sigurtà intensiva fl-ibliet tal-Afganistan għenet biex l-elezzjoni titmexxa f’kalma relattiva – iżda l-futur, għall-pajjiż u l-poplu, jibqa’ inċert daqs qatt qabel. Għalkemm ħafna votanti sfidaw lill-militanti tat-Taliban u ħarġu jivvutaw fl-elezzjoni kien hemm ukoll oħrajn li beżgħu mit-theddida tal-militanti u ma marrux.
It-Talibani, fil-fatt, attakkaw numru ta’ postijiet tal-votazzjoni bil-ħsieb li jostakolaw l-elezzjoni, iżda s-sigurtà intensiva evitat il-vjolenza fuq skala kbira.
Madankollu, hu kalkulat li wieħed biss f’ħames Afgani vvota fl-elezzjoni, meta l-Afganistan għandu mad-9.67 miljun votanti reġistrati.
Ir-riżultati preliminarji tal-elezzjoni mhumiex mistennija qabel id-19 ta’ Ottubru – bir-riżultati finali għandhom jingħataw fis-7 ta’ Novembru. F’każ li l-ebda kandidat ma jikseb aktar min-nofs il-voti, isir tieni rawnd bejn iż-żewġ kandidati bl-akbar appoġġ.
//= $special ?>