Skont dik magħrufa bħala l-Forbes Rich List dwar Malta għall-2019, l-aqwa erba’ sinjuri f’Malta huma kollha barranin li fl-2016 xtraw il-passaport Malti fl-iskema msejħa Individual Investor Programme (IIP) li l-gvern ta’ Joseph Muscat nieda fl-2014.
Il-Forbes – kumpanija rinomata mad-dinja għall-klassifiki li, fost l-oħrajn, tippubblika listi dwar l-aktar nies sinjuri fid-dinja u f’pajjiżi partikulari – tispeċifika li l-ewwel erbgħa fil-lista ta’ Malta huma:
- LIU ZHONGTIAN (Iċ-Ċina)
- CHRISTOPHER CHANDLER (New Zealand)
- ARKADY VOLOZH (Ir-Russja)
- BORIS MINTS (Ir-Russja)
Il-lista tal-Forbes tikkwantifika l-ġid ta’ dawn il-persuni hekk: Zhongtian – $2.8 biljun; Chandler – $1.7 biljun; Volozh – $1.3 biljun; Mints – $1.3 biljun.
Li hemm komuni fost dawn l-erbgħa hu li huma kisbu ċ-ċittadinanza Maltija permezz tal-passaport li xtraw waqt li kollha kienu fl-aħbarijiet fl-aħħar snin, jew dwar akkużi u allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus jew li huma ħbieb tal-President Russu Putin.
● Liu Zhongtian, l-ewwel fil-lista, hu biljunarju Ċiniż, bid-dritt tal-vot f’Malta, li jmexxi waħda mill-akbar kumpaniji tal-aluminju fid-dinja. Ftit tax-xhur ilu, hu kien akkużat f’qorti Amerikana li pprova jqarraq billi daħħal fl-Amerika kwantità kbira ta’ prodotti tiegħu bil-pretest li kienu pallets u b’hekk iffranka miljuni kbar ta’ dollari f’tariffi. Hu kien akkużat ukoll b’kumplott għall-ħasil tal-flus.
● Christopher Chandler, minn New Zealand, hu s-sid ta’ kumpanija tal-investiment bażata f’Dubaj. Kien issemma li ta fondi qawwija għall-kampanja favur il-Brexit fir-Renju Unit. F’Mejju tas-sena l-oħra huwa kien akkużat fil-Parlament Ingliż li kellu rabtiet mas-Servizz Sigriet Russu u wkoll implikat f’każi ta’ ħasil tal-flus. Chandler jiċħad bil-qawwa dawn l-akkużi. Il-passaport Malti xtrah bi flus li kienu depożitati fil-bank Pilatus.
● Arkady Volozh hu persuna importanti ħafna fir-Russja. Hu biljunarju involut fil-qasam tat-teknoloġija u l-fundatur tal-kumpanija Yandex, waħda mill-akbar kumpaniji fis-settur tal-internet. Hu kunsidrat bħala ħabib tal-Kremlin u ta’ Putin. Meta fl-2016 kien xtara l-passaport Malti, fl-istampa internazzjonali saru għadd ta’ mistoqsijiet dwar x’setgħu kienu r-raġunijiet veri li sinjurun ta’ din il-kwalità jixtri passaport ta’ pajjiż żgħir għalih, għall-mara tiegħu, għat-tliet uliedu, u għall-ġenituri tiegħu. Flimkien ma’ Mints, hu kien fil-lista Amerikana tan-nies Russi li ntlaqtu mis-sanzjonijiet tal-Kungress Amerikan.
● Boris Mints hu ħabib ieħor tat-tmexxija Russa preżenti li, madankollu, ġie fl-inkwiet mal-awtoritajiet finanzjarji tal-pajjiż hekk kif ‘l-imperu’ tiegħu – li kien jinkludi xi banek kummerċjali – beda jfalli u Mints ‘ħarab’ lejn l-Ingilterra appena kellu f’idejh il-passaport Malti. Ftit tal-ġimgħat ilu, l-ogħla qorti fl-Ingilterra ordnat il-konfiska ta’ xi propjetajiet u kumpaniji tiegħu madwar id-dinja fl-ammont kumplessiv ta’ aktar minn $500 miljun.
L-iskema tal-bejgħ tal-passaporti ta’ Malta ilha taħt il-lenti ta’ organizzazzjonijiet u għaqdiet internazzjonali, fosthom il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Ewropa u Transparency International. Dawn u ħafna oħrajn ippubblikaw rapporti sħaħ dwar il-perikli u r-riskji li qed toħloq din l-iskema tal-gvern ta’ Muscat.
Fir-rapport tal-Moneyval (il-Kunsill tal-Ewropa) pubblikat ftit tal-ġimgħat ilu, jingħad li t-tim tal-assessuri li ħadem fuq dan ir-rapport ikkunsidra wkoll ir-riskji assoċjati mal-iskema Maltija tal-bejgħ tal-passaporti (IIP) u jekk il-qafas legali dwar id-due diligence huwiex adegwat u jekk hux qigħed ikun implimentat effettivament biex inaqqas mir-riskji involuti.
Minkejja dan l-iskrutinju fuq Malta, il-midja lokali u internazzjonali baqgħet tiżvela minn żmien għal ieħor każi bħal dawn tal-erba’ sinjuruni ‘Maltin’, każi li ngħataw spazju u importanza minħabba r-riskju kemm għal Malta kif ukoll għall-Unjoni Ewropea.
Proprju din il-ġimgħa, l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti ta’ Malta reġgħet waqgħet taħt il-lenti, kemm tal-Maltin kif ukoll tal-barranin, wara dak li xxandar fi programm televiżiv fi Franza. F’dan id-dokumentarju/inkjesta, kompla jinkixef dak li jidher li hu l-mod dubjuż kif din l-iskema qed titmexxa.
L-aktar serju f’dik l-inkjesta Franċiża, hu li issa ddaħħlu fl-istorja membri tal-Kabinett, fosthom l-istess Prim Ministru.
Dan kollu qed jagħti fama ħażina lil Malta u jiskredita l-immaġni li pajjiżna dejjem kellu u li, kif qed inkomplu naraw, beda jitlef b’ħeffa f’dawn l-aħħar snin.
//= $special ?>