Il-Partit tal-Poplu konservattiv immexxi mill-Kanċillier Serbastian Kurz jidher riesaq lejn rebħa ċara fl-elezzjoni ġenerali tal-Awstrija. Dan wara li l-poplu ivvota għal tmexxija ġdida li tieħu post il-Gvern ta’ koalizzjoni preċedenti, li kellu jwarrab xhur ilu minħabba l-effetti ta’ skandlu.
L-iskandlu kien jinvolvi lill-Viċi Kanċillier Awstrijak, Heinz-Christjan Strache — dak iż-żmien Kap tal-Partit tal-Ħelsien — li nqabad fuq filmat waqt li kien qed joffri kuntratti pubbliċi lil mara Russa.Il-filmat, li nġibed bil-moħbi, kien ittiehed f’Ibiza u għal din ir-raġuni, l-iskandlu kien ħa l-isem “Ibiza-gate”.
L-ewwel riżultatij indikaw li l-partit ta’ Kurz rebaħ madwar 37 fil-mija tal-vot biex żied l-appoġġ tiegħu mill-31 fil-mija li kiseb fl-elezzjoni preċedenti. Mill-banda l-oħra, il-Partit tal-Ħelsien – l-entità estremista tal-lemin li kienet imsieħba fil-koalizzjoni preċedenti – kiseb anqas minn 17 fil-mija tal-vot li hu daqqa ta’ ħarta serja għalih. Filwaqt li l-Kanċillier Kurz jista’ jagħżel li jġedded l-alleanza mal-Partit tal-Ħelsien, mhux eskluż li hu, ‘il quddiem, jikkunsidra alleanzi oħrajn għal koalizzjoni ġdida fi Vienna.
Hemm il-possibbiltà li Kurz ifittex koalizzjoni mal-Ħodor li mistennija jiksbu 13 fil-mija tal-vot. Madankollu ma jidhirx daqshekk probabbli li ssir koalizzjoni bejn il-Partit tal-Poplu konservattiv u s-Soċjali Demokratiċi li huma indikati li jiksbu 22.5 fil-mija tal-vot.
Hu mistenni li kwalunkwe taħditiet għal koalizzjoni ġdida jkunu diffiċli u kkumplikati, tant li jistgħu jgħaddu l-ġimgħat sakemm l-affarijiet ikunu konklużi.
//= $special ?>