Knisja Lokali Saħħa

L-Istitut Adelaide Cini mgħoddi lil Hospice Malta

Opra tal-ħniena tal-Knisja ma' dawk li jeħtieġu kurja paljattiva

Il-ġurnata tal-Ħadd 29 ta’ Settembru 2019 se tibqa’ mmarkata b’ittri tad-deheb fl-istorja ta’ Hospice Malta, għaliex ġie fis-seħħ il-ftehim li kienet laħqet il-moviment mal-Arċidjoċesi ta’ Malta biex l-Istitut Adelaide Cini f’Santa Venera, jingħadda lilhom biex isir l-ewwel kumpless
tax-xorta tiegħu tal-kura paljattiva residenzjali f’Malta.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’dan l-istitut, l-Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna, għadda formalment din il-binja għall-perjodu ta’ 50 sena f’ċeremonja simbolika, fejn ġew ippreżentati l-imfietaħ tal-post liċ-Chairperson ta’ Hospice Malta, Maria Gatt.

L-Arċisqof Scicluna, f’diskors qabel iċ-ċeremonja, qal li l-Knisja qed tkompli fuq il-passi ta’ Adelaide Cini, mara li kellha viżjoni kbira 100 sena ilu meta bdiet tgħin lil nisa li kienu spiċċaw fit-triq, b’impenn u servizz soċjali lejn id-dinjita’ tal-bniedem. Għalhekk kien ipprivileġġat jgħaddi din il-binja lil lajċi impenjati li jagħtu xhieda ta’ servizz fil-komunità, binja li tat kenn lil tfajliet, vittmi ta’ vjolenza domestika fil-passat.

Huwa ġest konkret għaliex aħna mill-kliem irridu ngħaddu għall-fatti. Bħama iħobb jinsiti ħafna l-Papa Franġisku, meta nieda s-sena tal-ħniena, xtaqt li kull djoċesi tagħmel proġett li jkun ukoll sinjal konkret tal-ħniena. Aħna qegħdin nafdaw din il-propjetà kbira u sabiħa f’idejn il-Hospice għaliex nemmnu li wasal iż-żmien li f’Malta jkollna ċentru mill-aqwa għall-kura paljattiva, għall-kura ta’ min qiegħed fit-tmiem ta’ ħajtu.”

Huwa ħeġġeġ lill-Maltin ikunu ġenerużi biex din id-dar tkun lesta fi żmien sentejn, sabiex jagħtu xhieda konkreta ta’ kemm il-ħajja hija prezzjuża mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha. Proġett bħal dan mhux lakemm tlestieh biss, iżda li anki ssostnieh ukoll, bl-ispiża annwali ta’ Hospice Malta se titla’ minn €1 miljun għal €3 miljun.

L-Istitut, li hu mifrux fuq 11,000 metru kwadru, li tinkludi l-bini eżistenti u l-ġonna, hu stmat li jiswa’ madwar €8 miljuni. St. Michael’s Hospice se joffri servizz 24 siegħa tal-ogħla livell f’ambjent seren u trankwill. L-istatistika turi kif persuna minn kull 3 jimirdu bil-kanċer, b’60 pazjent ġdid fix-xahar jirrikorru għand Hospice Malta. Is-servizzi attwali se jestendu fil-komunità għal 10,000 żjara, minn 700 għal 2,000 sessjoni, terapiji u servizzi ġodda ġol-binja l-ġdida.

Il-President ta’ Malta, George Vella, li ppresjeda ċ-ċeremonja, ta l-approvazzjoni tas-soċjetà ċivili għal dan il-ġest nobbli t’għoti ta’ binja mhux utilizzata tal-Knisja f’post ċentrali biex jiġu attwati l-ħolm tal-Hospice. Huwa saħaq li wasal iż-żmien li tingħata aktar kura paljattiva milli kura aggressiva fl-aħħar tal-ħajja tal-pazjenti sabiex jgħixu dan iż-żmien b’serenità u fl-imħabba.

Preżenti ukoll għall-għotja tal-bini kien hemm l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Esklużjoni Soċjali u l-Ġlieda kontra l-Faqar, Ivan Bartolo u mart il-President, Miriam Vella, Patruna ta’ Hospice Malta.