Edukazzjoni Għawdex Lokali Transport

Numru ta’ toroq mibdija mitluqa nofs leħja għal xhur sħaħ

Inkompetenza tal-Gvern Laburista f'Għawdex

Bosta toroq imwegħda mill-Gvern Laburista f’Għawdex tħallew nofs leħja, b’xogħolijiet mibdija ta’ malajr iżda issa ma jidher l-ebda ħaddiema biex dawn jitlestew.

L-akbar inkonvenjent għaddejjin minnu r-Rabtin, hekk kif il-Belt Victoria qed tinżamm paralizzata ta’ kuljum minħabba x-xogħolijiet fi Pjazza San Franġisk, kif spjega l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said.

Pjazza San Franġisk turi l-inkompetenza fl-ippjanar ta’ dan il-Gvern, speċjalment fejn jidħol Għawdex. Wara li kienet ilha mwegħda 4/5snin, il-Pjazza nqalgħet fl-eqqel tas-sajf meta t-traffiku fir-Rabat sar insapportabbli, peress li ngħalqet din l-arterja. Ix-xogħol kellu jitlesta sa meta tibda l-iskola fir-Rabat u dan ħoloq kaos ta’ traffiku peress li ma tlestietx fil-ħin.”

Bosta huma l-istudenti, ġenituri, għalliema u ħaddiema tal-Iskejjel tas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, tal-Konservatorju tal-Isqof u tal-Iskola Primarja Sir Arturo Mercieca, li qed jintlaqtu direttament b’dawn ix-xogħolijiet li baqgħu ma tlestewx qabel il-bidu tas-sena skolastika. Dan meta x-xogħolijiet tħallew propju għal meta Għawdex ikollu influs kbir ta’ Maltin u turisti.

Min-naħa tagħhom, in-Nadurin u s-sewwieqa fi triqthom għall-vapur ta’ Għawdex ilhom għal din l-aħħar sena b’inkonvenjent kbir, bi Triq l-Imġarr magħluqa … inkonvenjent li għadu hemm u b’xogħolijiet li ma jidhrux li se jibda b’mod imminenti.

Ritratt: Martin Agius

Mhu qed jiġri xejn. Filfatt ix-xogħol huwa wieqaf, ilu sena wieqaf hekk kif lanqas ħaddiema ma rajna fuq il-post. Hija triq arterjali li tgħaqqad lin-Nadur ma’ Għajnsielem u mal-Imġarr, u triq li taqdi lil min ġej mill-Imġarr biex imur in-Nadur. Prattikament sena ilu tħaffret, għalqu l-aċċess għall-karozzi, għan-nies u saħansitra għar-raba tal-bdiewa!”

It-triq prinċipali li tieħdok għal Ta’ Sannat, ukoll għaddiet mill-istess xorti, bi Triq Sannat tinqala’ bejn il-Knisja Arċipretali u l-grawnd tal-lokalità.

F’dan il-każ, l-istudenti tal-Iskola Primarja qed ibatu mill-inkovenjent ta’ gandott li tħaffer qrib l-Iskola, filwaqt li nqalgħu l-bankini u tħallew xi kanen fin-nofs biswit il-grawnd tal-Iskola.

L-istess jgħodd għall-Junction biswit il-grawnd tal-futbol ta’ Sannat – bejn ir-Rabat, il-Munxar, ix-Xewkija u Ta’ Sannat – li ma saret qatt.

Ilha mwegħda mill-Kunsill Lokali ta’ Sannat b’maġġoranza Laburista u mill-Gvern Laburista issa għal 5/6 snin. Baqgħet ma saritx u ma tlestietx! Wegħda oħra, fost wegħdiet li jsiru minn żmien għal żmien fuq proġetti infrastrutturali li jdumu s-snin biex jitlestew, jekk jibdew għax hemm wegħdi li saru u ma bdew qatt, li turi l-inkompetenza tal-Gvern Laburista!”