Futbol Sport

Rebħiet għal Napoli, Lazio u Roma

(Ritratt: EPA)

Napoli rritornaw għar-rebħ wara li għelbu lil Brescia 2-1 fi Stadio San Paolo, f’logħba li ż-żewġ timijiet kellhom gowl imħassar. Dries Mertens fetaħ l-iskor fit-12-il minuta b’konklużjoni mill-viċin, biex id-difensur Kostas Manolas irdoppja b’daqqa ta’ ras qabel tmiem l-ewwel taqsima. Mario Balotelli naqqas id-distakk fis-67 minuta b’daqqa ta’ ras minn korner.

Lazio kisbu l-akbar rebħa tal-ġurnata bi skor ta’ 4-0 kontra Genoa fi Stadio Olimpico. Sergej Milinkovic-Savic fetaħ l-iskor wara seba’ minuti u Stefan Radu rdoppja fl-40 minuta b’xutt mill-isbaħ. Felipe Caicedo għamilhom tlieta mas-siegħa logħob minn pożizzjoni angolata, biex Ciro Immobile ssiġilla r-rebħa fit-78 minuta.

Gowl fit-tieni taqsima ta rebħa importanti lil Roma fuq Lecce. Il-gowl tar-rebħa wasal fis-56 minuta bi kross mil-lemin ta’ Henrikh Mkhitaryan isib lil Edin Dzeko li skorja b’daqqa ta’ ras. Bi skor identiku, Udinese rebħu f’darhom 1-0 kontra Bologna, bl-uniku gowl jasal fis-27 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Stefano Okaka.