Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson ħalef biex ikompli fit-tmexxija ta’ pajjiżu anki f’każ li jfalli milli jikseb ftehim mal-Unjoni Ewropea dwar Brexit. Hu, fl-istess ħin, enfasizza li ‘hu biss il-Gvern Konservattiv tiegħu’ li, irrispettivament minn kollox, kapaċi joħroġ lir-Renju Unit mill-UE fil-31 ta’ Ottubru’
Johnson – waqt il-bidu tal-konferenza annwali tal-Partit Konservattiv f’Manchester –insista bil-messaġġ ta’ ‘kollox jew xejn’ rigward Brexit. Hu, intant, wera determinazzjoni li jikkonkludi t-tragward sal-aħħar ta’ Ottubru, bi ftehim mal-Unjoni jew mingħajru.
Madankollu, Johnson irid jiffaċċja l-ostakoli sinifikanti, b’mod partikulari l-liġi li għadda l-Parlament biex jisforza lill-Prim Ministru jitlob il-posponiment ta’ Brexit f’każ li hu ma jilħaqx ftehim ma’ Brussell sa żmien is-summit li jmiss tal-Unjoni ( bejn is-17 u t-18 ta’ Ottubru).
Fil-fatt, Boris Johnson mill-ġdid naqas milli jispjega ‘kif qed jaħseb li jdur mal-liġi’ u jattwa l-wiegħda dwar Brexit.
Mistoqsi jekk għandux jirriżenja ‘biex jevita sitwazzjoni fejn ikollu jitlob posponiment ta’ Brexit’, Boris Johnson wieġeb fin-negattiv u insista li ‘daħal biex imexxi l-partit u l-pajjiż fi żmien diffiċli’ u li ‘se jkompli bl-impenn bħala r-responsabbiltà tiegħu’.
Iż-żmien qed jonqos għar-Renju Unit biex jevita tluq mill-UE li kapaċi jiżvolġi f’wieħed kaotiku – b’impatt diżastruż għall-ekonomija nazzjonali u bil-possibbiltà li l-pajjiż jispiċċa f’riċessjoni.
Il-Gvern ta’ Johnson, fil-jiem li ġejjin, mistenni jippreżenta l-proposti bil-għan li jegħleb l-akbar ostakolu fit-taħditiet dwar Brexit – f’dan il-każ il-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq ( provinċja Britannika) u r-Repubblika Irlandiża li hi membru tal-UE. S’issa għad mhemmx qbil dwar kif l-Irlanda tista’ tevita ritorn għal ‘fruntiera riġida’ f’każ li ftehim, fil-futur, ifalli milli jaċċerta moviment bla xkiel tan-nies u n-negozju.
//= $special ?>