Edukazzjoni Lokali

Studenti Indjani jallegaw li qed jintalbu ħlasijiet akbar biex jistudjaw fl-Università tal-Ġordaniżi

Għalkemm fuq id-dokument għall-korsijiet 2019-2020 li qed toffri l-American University of Malta – l-Università tal-Ġordaniż Sadeen – hemm prezzijiet ċari għall-istudenti mill-Indja biex jiġu jistudjaw f’Malta, meta l-istess studenti juru interess u jitkellmu ma’ aġenti tal-istess Università fl-Indja, dawn qed jintalbu mijiet ta’ ewro żejda bl-iskuża li l-applikazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet Maltin titħaffef u tinħareġ malajr u mingħajr skrutinji żejda.

Sorsi li tkellmu ma’ il-mument, żvelaw kif din il-ħaġa qed issir b’mod sistematiku ħafna fejn studenti jagħmlu talba biex jiġu jistudjaw fl-American University of Malta u jintbagħtilhom id-dokument bl-informazzjoni u r-rati tal-korsijiet.

Meta mbagħad l-interess jikkonkretizza u dawn jiġu biex iħallsu, l-aġenti tal-istess Università jgħidulhom li l-ħlas irid ikun ta’ mijiet ta’ ewro aktar bl-iskuża li dawn il-flus żejda jridu jingħataw lil min jieħu ħsieb il-ħruġ tad-dokumenti meħtieġa lit- tali studenti (huma jirriferu għal dan il-kuntatt bħala “uffiċjal fil-Visa Centre ta’ Malta).

Min tkellem ma’ il-mument, żied jiżvela wkoll li l-aġenti inkwistjoni jgħidu wkoll lill-istudenti interessati li jiġu jistudjaw f’Malta, li parti mill-ħlas żejjed tagħhom imur ukoll “għal mara partikulari qrib ta’ ministru partikulari.”

Minn aktar stħarriġ li għamel il-mument, jirriżulta wkoll li fiċ-ċentru ta’ dan is-serq u ingann ta’ flus hemm uffiċjal jew aktar fl-aġenzija Identity Malta. Min tkellem ma’ il-mument, qalilna li lilhom spiss isemmulhom l-isem ta’ xi ħadd “Look”!

Fl-isfond ta’ dan iċ-ċirku ta’ serq li fih jissemmew l-ismijiet tal-Identity Malta, il-Visa Centre u anki l-“mara partikulari qrib ħafna ta’ ministru partikulari”, jidher li saret prassi komuni mill-American University of Malta, li jieħdu onboard uffiċjali mill-NCHFE. Fil-fatt fil-ġimgħat li għaddew, żewġ uffiċjali għolja fl-NCHFE rriżenjaw mill-pożizzjoni tagħhom biex ingħaqdu uffiċjalment mal-American University of Malta. Persuna minnhom kienet tokkupa l-kariga ta’ Head Licencing Accreditation.

Fil-frattemp, l-American University of Malta qed tkompli tiffaċċja problema serja ta’ studenti barranin minn ċerti destinazzjonijiet li suppost jinsabu Malta jistudjaw jew isegwu xi kors, u li eventwalment qed jirriżulta li qed jaħarbu minn pajjiżna u huma unaccounted for.

Fil-ġimgħat li għaddew, komplew ikunu rapportati każijiet ta’ studenti barranin minn ċerti pajjiżi li biex jidħlu fl-Ewropa jkollhom bżonn li tinħarġilhom VISA, u li użaw il-mekkaniżmi tal-Amerikan University of Malta stabbilità f’Bormla, biex daħlu f’pajjiżna u ladarba rnexxielhom jagħmlu dan, sparixxew minn artna.

Jirriżulta li fix-xhur li għaddew, kienet storja repetuta ta’ studenti minn ċerti pajjiżi li applikaw biex suppost isegwu xi kors fl-American University of Malta.

Naturalment biex dawn l-istudenti setgħu jkunu aċċettati mill-American University of Malta, kellha tinħarġilhom VISA biex huma jkunu jistgħu jidħlu f’pajjiżna.

Għal ċerti korsijiet il-ħlasijiet kienu tassew baxxi fis-sens li student jintalab iħallas €14,500, iżda mbagħad nofshom ikunu rifjutati lilu mill-ġdid bħala Scholarship Award. Għalhekk fl-ewwel sena tal-kors, student jispiċċa jintalab iħallas biss €7,250.

Barra minn hekk, student ma jintalabx iħallas il-flus kollha dovuti, iżda parti minnhom, bil-kumplament imbagħad iħallashom ladarba jibda l-kors.

Dan qed iwassal biex il-barranin li jkunu jridu jaħarbu minn pajjiżhom, japplikaw biex taparsi jsegwu kors fl-American University of Malta, imbagħad ladarba jinħarġulhom id-dokumenti kollha meħtieġa, jivvjaġġaw lejn Malta u minn hawnhekk jivvjaġġaw lejn pajjiż ieħor u jispiċċaw unaccounted for.