Lokali

TITWAL IL-LISTA: Kważi 3000 anzjan jistennew biex jidħlu f’dar tal-anzjani

Madwar 3,000 anzjan jistenna, Malta b’lista twila ta’ stennija ta’ persuni biex jidħlu fi djar tal-anzjani. Lista li qed tkompli tiżdied.

Dan ħareġ mill-gazzetta Illum, li rrappurtat kif għalkemm il-Gvern anke xtara xi sodod fi djar Privati u tal-Knisja, il-problema xorta baqgħet tippersisti.

L-istħarriġ juri wkoll li l-lista ta’ stennija għal dawk l-anzjani li għandhom dipendenza għolja u anzjani oħra f’każijiet simili li huma meqjusa urġenti hi ta’ madwar 250 persuna.

Il-gazzetta kompliet li l-lista kibret minkejja l-iskemi li jgħinu lill-anzjani jibqgħu jgħixu b’dinjità fil-komunità. U minkejja li saru anke xi arranġamenti ma’ 17-il dar residenzjali tal-Privat jew tal-Knisja, il-lista qed tiżdied u mhux tonqos.

Minn informazzjoni mogħtija fil-Parlament, irriżulta li sal-2015 kien hemm 1,405 anzjan u anzjana jistennew biex jidħlu f’dar tal-anzjani. Iżda issa, dan in-numru kważi irdoppja.

Sorsi saħqu li hemm djar oħra Privati li għandhom sodod vojta, iżda jidher li l-Ministeru għall-Finanzi qed iżomm xi ftit ir-riedni biex ma jinxtrawx aktar sodod, minkejja li din il-problema qed tippersisti.

Dwar dan, id-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva qal li mhux obbligat jixtri kull sodda disponibbli fil-Privat, bl-ebda indkizzjoni għat-triq ‘il quddiem biex din il-problema tirrisolva ruħha f’qasir żmien.

Tags