Sport Sport Ieħor

Valletta Futsal jirbħu l-ewwel unur tal-istaġun għat-tieni sena konsekuttiva

(Ritratt: Joe Borg)

Valletta Futsal kellhom l-aħjar bidu possibbli għal dan l-istaġun meta rebħu s-Super Cup għat-tieni sena konsekuttiva wara rebħa ta’ 7-3 kontra Luxol, fil-logħba li ntlagħbet fil-Padiljun Sportiv tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke. Il-Beltin kellhom diversi tibdil mill-istaġun li għadda, fosthom it-tmexxija teknika ta’ Carlo Scicluna bl-assistenza ta’ Christian Micallef. Luxol fuq in-naħa l-oħra kienu impenjati fix-xena internazzjonali hekk kif kisbu l-kwalifikazzjoni mir-Rawnd Preliminari tal-UEFA Champions League u ftit jiem oħra jilagħbu fir-Rawnd Prinċipali tal-kompetizzjoni.

Valletta marru fil-vantaġġ wara biss żewġ minuti permezz tal-captain Jovica Milijic u l-Georgjan Gia Nikvashvili mar qrib li jirdoppja tliet minuti wara iżda kien imċaħħad mill-gowlkiper Stefan Vella. Luxol ġabu d-draw f’nofs l-ewwel taqsima b’xutt għar-rokna tal-captain Mark Zammit. Madankollu Nikvashvili reġa’ poġġa lil Valletta minn fuq minuta wara u daħlu jistrieħu 3-1 fil-vantaġġ.

Fil-bidu tat-tieni taqsima, Luxol laqtu l-lasta bi free-kick ta’ Celino Alves, iżda anqas minn minuta wara, żball ta’ Alves wassal biex Nikvashvili u mill-viċin għamel l-iskor 4-1. Sbatax-il sekonda wara, Luxol naqqsu d-distakk għal 4-2 b’gowl ta’ Andy Mangion. Il-kowċ ta’ Luxol Gabriel Dobre għażel li jitfa’ kollox fuq l-attakk u beda juża lil Alves bħala flying keeper. Il-logħba ħadet żvolta madwar sitt minuti mit-tmiem meta Mohammed Elamari għamel l-iskor 5-2 u minuta wara tkeċċa Marwan Telisi għal Luxol.

Fl-aħħar żewġ minuti, Valletta saħansitra skorjaw darbtejn, l-ewwel permezz tal-gowlkiper Brandon Debono li skorja mil-lasta tiegħu, b’Elamari jiskorja s-seba’ gowl Belti. Giancarlo Sammut għamel l-iskor finali 7-3 45 sekonda mit-tmiem. Wara l-logħba, il-captain ta’ Valletta Jovan Milijic għolla t-trofew fost il-ferħ ta’ sħabu u l-kumplament tal-istaff Belti.