Futbol Sport

Vittoriosa u Mqabba jiksbu l-ewwel punt tal-istaġun

(Ritratt: Joseph Galea)
Rebħiet għal Pembroke A. u Qormi

VITTORIOSA STARS ……………….. 1 MQABBA ……………………. 1

Vittoriosa: Z. Valletta, J. Briffa, I. Abela, G. Sultana, D. Tabone, A. Galea (C. Spiteri 82’), K. Vella, A. Guerrero (L. Casha 28’), R. Sgaria Farias, P. Papadakis, T. Abela Wilson (I. Curmi 33’)

Mqabba: F. Tabone (D. Carabott 25’), M. Caruana, J. Micallef, D. Micalef, E. Zammit (L. Farrugia 72’), G. Micallef, A. Ferreira, Y. Omuro, J. Spiteri, P. Chimezie, N. Micallef

Referee: Stefan Pace

Mqabba u Vittoriosa kisbu l-ewwel punt tal-istaġun wara żewġ telfiet konsekuttivi f’logħba movimentata speċjalment fit-tieni taqsima. Vittoriosa kienu aħjar fl-ewwel frazzjoni li kienet pjuttost kwieta, iżda fit-tieni taqsima Mqabba kienu ferm iktar determinati u perikolużi u meritatament kisbu l-ewwel punt.

Il-logħba kienet ferm kwieta fl-ewwel battuti, kważi monotona b’diversi żbalji fuq naħa u fuq oħra. Fl-14-il minuta Vittoriosa fil-vantaġġ fl-ewwel azzjoni tagħhom meta Sgaria niżżel tajjeb bir-ras lejn OSCAR GUERRERO li b’xutt mill-ewwel minn tarf il-kaxxa sab ir-rokna tax-xibka.

Fil-25 minuta ħabta vjolenti bejn l-attakkant ta’ Vittoriosa Guerrero u l-gowlkiper ta’ Mqabba Tabone fejn sfortunatament it-tnejn kellhom jinbidlu, u ftit minuti wara Vittoriosa tilfu wkoll lil Abela Wilson. Fit-30 minuta xutt fil-baxx ta’ Ferreira minn qagħda impossibbli ħabat ma’ sieq il-lasta u mir-rebound kien Dylan Micallef li kellu xutt bid-dawra jgħaddi ftit għoli. Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima Mqabba sfortunati meta free-kick ta’ Ferreira stampa mal-mimduda.

Fit-tieni taqsima Mqabba ħarġu iktar determinati u fil-55 minuta kienu sfortunati meta xutt imxellef ta’ Ferreira ħabat mal-mimduda. Fis-67 minuta Mqabba ħasdu l-frott tal-pressjoni tagħhom meta minn kross ta’ Omuro mil-lemin, kien id-difensur ta’ Vittoriosa Irvin Abela li antiċipa lil kulħadd iżda xeħet fix-xibka tiegħu stess.

Minuta biss wara Vittoriosa ferm viċin li jerġgħu jmorru minn fuq b’azzjoni tajba fejn Keith Vella daħal tajjeb iżda x-xutt tiegħu stampa mal-mimduda. Għaxar minuti minn tmiem il-logħba, Mqabba għal darb’oħra perikolużi b’daqqa ta’ ras ta’ John Micallef tegħleb lil Valletta iżda Irvin Abela salva minn fuq il-linja biex patta tal-awto gowl tiegħu. Fl-aħħar ħinijiet iż-żewġ naħat għamlu l-aħħar sforzi u Mqabba reġgħu resqu qrib b’daqqa ta’ ras oħra ta’ John Micallef u din id-darba kien Dario Tabone li salva minn fuq il-linja.

Pembroke jagħtu l-ewwel telfa lill-Bormliżi

ST. GEORGE’S …………………. 1 PEMBROKE A. ………………………. 3

St. George’s: J. Azzopardi, A. Hili, P. Changoon (T. Hiruma 46’), L. Bonett (A. Mallia 74’), S. Perdomo, D. Caruana, L. Cutajar, J. Dalli, J. Grech, A. Marshall, J.P. Formosa (G. D’Amato 46’)

Pembroke: P. Schranz, A. Vujovic, M. Brincat, M. Zarb (Y. Tonna 69’), G. Azzopardi, D. Camilleri, T. Fenech, L. Mijic (D. Isakovic 65’)(J.P. Mifsud Triganza 82’), A. Smeir, N. Frendo, J.P. Oliveira Santos

Referee: Ezekiel Barbara

Pembroke għelbu lil St. George’s 3-1 biex taw l-ewwel telfa lill-Bormliżi. Pembroke kien jimmeritahom is-suċċess, suċċess mibni b’żewġ gowls fl-ewwel 23 minuta fejn Pembroke kienu għal kollox superjuri fl-ewwel taqsima. Fit-tieni taqsima kien hemm ir-reazzjoni ta’ St. George’s, reazzjoni sterili fejn Schranz ftit kien impenjat. Iżda fil-ħin miżjud Caruana skorja gowl spettakolari biex fetaħ il-logħba iżda din ingħalqet fil-95 minuta bit-tielet gowl ta’ Pembroke.

Wara seba’ minuti logħob Pembroke fetħu l-iskor. Kienet azzjoni tajba ta’ Mijic fuq ix-xellug li qassam fil-baxx lejn Mattia Zarb li kompletament żmarkat skorja b’xutt fil-baxx. Appena żewġ minuti wara ċans tad-deheb ieħor għal Pembroke meta pass ta’ Fenech ġab lil Smeir waħdu quddiem il-gowlkiper iżda xxuttja fil-gowlkiper Bormliż.

Ir-risposta ta’ St. George’s waslet fit-12-il minuta b’xutt bomba ta’ Perdoma u save mill-aqwa ta’ Schranz. Mal-kwarta logħob free-kick ta’ Oliveira u imblokka tajjeb Azzopardi. Fit-23 minuta Pembroke għamluhom tnejn meta Matthew Brincat qassam lejn Luka Mijic li b’xutt bid-dawra mill-ewwel sab ir-rokna tax-xibka.

Għall-kumplament tat-taqsima Pembroke komplew juru l-aħjar ideat b’Oliveira Santos u Mijic ferm attivi u perikolużi. Minn naħa tagħhom St. George’s sabuha diffiċli biex jersqu lejn Schranz bl-iktar plejer perikoluż tagħhom Perdomo iktar ifittex l-azzjonijiet personali milli dawk ma’ sħabu. Ftit qabel l-intervall St. George’s resqu qrib li jnaqqsu l-iskor meta xutt mid-distanza ta’ Aaron Hili niżel fuq il-mimduda bi Schranz xi ftit sorpriż.

Fil-bidu tat-tieni taqsima St. George’s wettqu żewġ bidliet biex jagħtu iktar ħajja lill-attakk tagħhom, iżda kienu Pembroke li fallew l-ewwel ċans meta Mijic approfitta minn żelqa ta’ Hili, avvanza iżda kien imċaħħad mill-gowlkiper Azzopardi li mattar siequ biex salva gowl ċert.

Fit-58 minuta kross ta’ Perdoma lejn Hiruma li bir-ras kompla lejn Hili li d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet salvata b’diffikultà minn Schranz. Pembroke baqgħu jikkontrollaw tajjeb iżda fil-91 minuta Dylan Caruana skorja ġmiel ta’ gowl minn distanza notevoli biex fetaħ il-logħba beraħ. St. George’s xeħtu kollox fl-attakk iżda kienu kastigati fil-95 minuta meta f’azzjoni ta’ kontrattakk Jean Pierre Mifsud Triganza skorja b’xutt fil-baxx.

Qormi jikkastigaw lil Żejtun b’gowls fl-aħħar

ŻEJTUN CORINTHIANS ………………… 0 QORMI ……………………… 3

Żejtun: C. Cassar, K. Farrugia (G. Azzopardi 86’), J. Busuttil, A. Carabott, D. Agius, J. Ounnupe (R. De Fex 65’), J. Suda (J. Iwueke 83’), R. Do Nascimento, A. Mizzi, D. Sowatey, N. Tabone.

Qormi: J. Azzopardi, F. Gnindokponou, C. Matombo, R. Santos Silva (I. Mizzi 85’), M. Borg, B. Grech (S. Grech 83’), A. Abela, F. Gusman, A. Cassar, N. Gauci, I. Zammit (L. Farrugia 66’).

Referee: Daniel Portelli

Qormi skorjaw tliet darbiet fl-aħħar 22 minuta tal-logħba biex telgħu fit-tieni post tal-klassifika u kkundannaw lil Żejtun għal telfa verament iebsa u mhux mistħoqqa. Żejtun kienu aħjar fl-ewwel taqsima u sal-ewwel gowl ta’ Qormi fit-68 minuta t-tieni taqsima kienet ferm bilanċjata. Wara l-gowl tal-vantaġġ Qormi bdew jemmnu fihom infushom u Żejtun qatt ma rkupraw bis-sostitut Luke Farrugia jispiċċa l-eroj tal-Qriema meta skorja doppjetta għal kastig kiefer wisq ma’ Żejtun.

Bidu bilanċjat biż-żewġ naħat jikkanċellaw lil xulxin. L-ewwel periklu minn Żejtun wasal fid-19-il minuta meta Jurgen Suda qabeż diversi plejers u minn angolu magħluq għeleb lil Jamie Azzopardi iżda Alessio Cassar tajjar il-ballun qabel dan qabeż il-linja. Fis-26 minuta azzjoni oħra ta’ Żejtun fejn Robeiro daħal tajjeb fil-kaxxa iżda kien imċaħħad minn risposta mill-aqwa ta’ Azzopardi. L-istess gowlkiper ta’ Qormi salva fuq xutt ta’ Carabott mill-viċin wara nofs siegħa, hekk kif iż-Żwieten bdew jieħdu kontroll assolut tal-logħba f’idejhom.

It-tieni taqsima kienet nieqsa minn ideat u azzjonijiet sakemm fit-68 minuta Qormi fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ free-kick, il-ballun baqa’ fil-kaxxa ta’ Żejtun u LUKE FARRUGIA li kien daħal żewġ minuti qabel, skorja bl-ewwel ballun li mess. Ir-reazzjoni ta’ Żejtun kienet ġeneruża iżda konfuża u ntemmet fid-79  minuta meta Jeremy Busuttil żelaq fil-kaxxa u żamm il-ballun b’idu. Karta ħamra u penalty li minnu CHRIS MATOMBO ma żbaljax. Fil-ħin miżjud dabbar ukoll karta ħamra l-plejer ta’ Qormi Sheldon Grech iżda fl-aħħar azzjoni, ħarba impressjonanti ta’ Gnindokponou fuq ix-xellug u kross fil-baxx lejn LUKE FARRUGIA li spara fix-xibka biex skorja t-tieni gowl tiegħu.