Għandna viżjoni ċara fejn irridu li nwasslu lil Malta u lil Għawdex, ekonomija b’ruħ soċjali fejn il-ġid li jinħoloq verament jasal għand kulħadd u għalhekk it-tema A Balanced Economy, A Sustainable Society għall-Pre Budget Document li ressaq il-PN. Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività għall-Għawdxin bħala parti mill-festi tal-55 sena tal-Indipendenza.
Adrian Delia qal li fil-Pre Budget Document, il-Partit Nazzjonalista qed jagħti prijorità lil Għawdex fejn qed jitressqu proposti konkreti biex Għawdex igawdi bl-istess mod bħal Malta mill-ġid li jinħoloq. Dan filwaqt li jiġu indirizzati l-isfidi tal-insularità u taż-żgħażagħ Għawdxin.
Dawn il-proposti jinkludu fost l-oħrajn inċentivi fiskali għall-kummerċ f’Għawdex, li jgħinu sabiex jiġu attirati aktar investituri li jinvestu f’Għawdex filwaqt li jsiru xogħolijiet infrastrutturali u ta’ tisbiħ meħtieġa biex Għawdex jilqa’ għall-isfidi tal-futur fosthom fis-saħħa u l-edukazzjoni.
Adrian Delia qal li s-servizz tal-fast ferry hija wegħda oħra tal-Gvern li baqgħet ma twettqitx. Dan meta l-proċess tal-għażla ġie annullat minħabba numru ta’ irregolaritajiet, turija ta’ inkompetenza u diżrispett kbir lejn l-Għawdxin, li qed jistennew il-fast ferry malajr kemm jista’ jkun.
Din tiżdied ma’ lista ta’ wegħdi oħra marbuta mal-konnettività tal-gżira Għawdxija, li l-Gvern Laburista għamel u li dwarhom ma żammx kelmtu, fosthom l-air link, yacht marina u cruise liner terminal. Dr Delia tkellem ukoll fuq l-iskola medika ta’ Barts u kif din minn dejjem qajmet t-tħassib, li fuqu qed jitkellmu wkoll l-istudenti minħabba assigurazzjonijiet li mhux qegħdin jingħatawlhom min-naħa tal-Ministeru għas-saħħa dwar ir-riżorsi disponibbli għat-tagħlim fl-isptar f’Malta.
Adrian Delia qal li Partit Nazzjonalista huwa kapaċi li jegħleb l-isfidi, min sejjer tajjeb nagħtuh il-wens li se jmur aħjar, iżda jingħelbu wkoll d-diffikultajiet li ħoloq il-Gvern stess bil-mudell ekonomiku tiegħu speċjalment fl-ambjent u l-infrastruttura. Sfidi li qegħdin jinħassu sew f’Għawdex ukoll.
Adrian Delia qal li l-PN qed jipproponi metodu ġdid kif inkejlu t-tkabbir ekonomiku li jdur mal-well being tan-nies, fejn jitkattar il-ġid imma jiżdiedu wkoll l-ispazji miftuħa, b’arja nadifa u jkollna pajjiż isbaħ li jitgawda minn kulħadd.
//= $special ?>