Rugby Sport

Wales tassorbi l-pressjoni finali u tirbaħ kontra l-Awstralja

(Ritratt: EPA)

Prestazzjoni mill-aqwa fl-ewwel taqsima, kienet determinanti għal Wales biex tegħleb l-isfida tal-Awstralja f’Tokyo u tikseb it-tieni rebħa minn żewġ logħbiet f’Pool D. B’hekk huma jinsabu favoriti li jirbħu l-grupp u jkollhom polza aktar favorevoli fil-kwarti tal-finali.

Wales kellhom vantaġġ ta’ 10-0 sal-ewwel 12-il minuta u wara li l-Awstralja naqqset id-distakk għal 10-8 f’nofs l-ewwel taqsima, Wales irnexxielhom ikabbru vantaġġ komdu sal-ħin tal-mistrieħ. Żewġ penalties u conversion ta’ Patchell u try ta’ Gareth Davies, daħħlu lil Wales 23-8 minn fuq.

Drop-goal ta’ Patchell fl-44 minuta deher li għalaq il-logħba, iżda l-Awstralja għamlet rimonta tajba b’żewġ tries ta’ Haylett-Petty u Hooper flimkien ma’ żewġ conversions ta’ Toomua, bid-distakk jinżel għal 26-22 meta kien għad fadal 17-il minuta.

Toomua saħansitra naqqas id-distakk għal punt fis-67 minuta, sakemm Patchell għamel l-iskor 29-25 fil-71 minuta. Minkejja l-isforzi finali, Wales assorbiet il-pressjoni finali tal-Awstralja għall-ewwel rebħa fit-Tazza tad-Dinja kontra l-Wallabies mill-1987.