Futbol Sport

Cardiff iridu jħallsu €6 miljuni għat-trasferiment ta’ Sala

(Ritratt: Getty Images)

Cardiff iridu jħallsu lil Nantes €6 miljuni, somma li hi l-ewwel waħda li kienet maqbula bejn iż-żewġ timijiet bħala parti mit-trasferiment ta’ Emiliano Sala, il-plejer miet f’ħabta fuq l-ajruplan meta kien fi triqtu lejn il-klabb il-ġdid tiegħu.

Sala kien se jibda esperjenza fil-Premier League wara li ffirma kuntratt ma’ Cardiff għas-somma ta’ €17-il miljun. Hu kien mar lura Franza biex jiġbor l-affarijiet personali u fil-vjaġġ lejn il-klabb il-ġdid tiegħu, l-ajruplan waqa’ fil-Kanal Ingliż. Il-ġisem tal-attakkant Arġentin ta’ 28 sena nstab kważi tliet ġimgħat wara, permezz ta’ tfittxija taħt l-ilma. Il-pilota David Ibbotson baqa’ ma nstabx.

Fi stqarrija, il-FIFA qalet li Cardiff iridu jħallsu din is-somma lil Nantes li tikkorispondi mal-ewwel pagament li kellu jsir skont il-ftehim tat-trasferiment. Il-klabbs kellhom nuqqas ta’ ftehim meta kellu jitħallas l-ewwel pagament. Fi Frar, il-klabb Franċiż kien għamel talba biex jirċievi l-pagament, bil-FIFA tiftaħ investigazzjoni fuq it-trasferiment.

Iż-żewġ klabbs ġew notifikati bid-deċiżjoni u l-FIFA qalet li jistgħu jappellaw fil-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport. Dak iż-żmien, iċ-chairman ta’ Cardiff Mehmet Dalman kien qal li l-klabb se jħallas is-somma tat-trasferiment jekk ikun marbuta bil-kuntratt.