Talanqas persuna tilfet ħajjitha wara li qabad nar ġo kamp iffullat bir-refuġjati fuq il-gżira Griega ta’ Lesbos. Ir-rapporti qalu li l-awtoritajiet sabu l-katavru maħruq ta’ mara fil-kamp ta’ Moria, waqt li rapporti oħra mhumiex ikkonfermati rreferew għal ‘vittma oħra’ li seta kien tfajjel,
Intant, il-pulizija sparat il-gass tad-dmugħ lejn l-immigranti tal-kamp li organizzaw protesta ‘minħabba li l-iskwadri għall-emerġenzi kienu wieġbu bil-mod wisq għall-kriżi’.
Il-kamp inkwistjoni jservi bħala residenza għal 12,000 persuna li huma kostretti jgħixu taħt it-tined inkella ġo kontejners kbar. Madankollu, il-kamp għandu biss kapaċità għal 3,000, bin-nies ta’ ġo fih qed ibatu l-effetti ta’ iffullar eżaġerat.
Il-gżira ta’ Lesbos intlaqtet sew mill-kriżi tal-immigranti, bl-awtoritajiet lokali ma jistgħux isibu soluzzjoni effettiva għall-immigranti li qegħdin jaslu hemm minn żmien għal żmien.
Il-Greċja, fil-fatt, qed tiffaċċja spinta ġdida ta’ immigranti u refuġjati li qegħdin jaslu fl-artijiet tagħha mit-Turkija.
Kważi miljun refuġjat – fosthom ħafna li qed jaħarbu mill-gwerra tas-Sirja – kienu qasmu mit-Turkija lejn il-Gżejjer Griegi, fl-2015.
//= $special ?>