Lokali Parlament

Il-Gvern jopponi proposta għal staff immedjat għall-Kap tal-Oppożizzjoni fil-parlament


Il-Gvern oppona proposta tal-Oppożizzjoni biex b’mod immedjat il-Kap tal-Oppożizzjoni jkollu staff li jkunu jistgħu jgħinuh fil-ħidma parlamentari tiegħu.

Din il-proposta tal-Oppożizzjoni tressqet fil-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra mill-Viċi-Kap tal-PN għall-Ħidma tal-Parlament David Agius.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li għad hemm dibattitu dwar ir-rwol tad-deputati anki fil-kuntest ta’ dak li qal il-Kummissarju tal-Istandards. Din id-diskussjoni għandha tinkludi jekk għadux ikun hemm żieda fl-istaff tad-deputati u tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia ssuġġerixxa li peress li ż-żewġ partiti jieħdu €100,000 kull wieħed, dawn jistgħu jintużaw ukoll biex jiżdied l-istaff bin-nies ikunu identifikati mill-istess partiti. Hu qal li dwar dawn il-€100,000 irid ikun hemm rendikont kif dawn qed jintefqu.

David Agius qal li l-Prim Ministru u l-ministri għandhom l-istaff tagħhom kif għandhom ukoll ċertu deputati b’xufiera u għalhekk il-Kap tal-Oppożizzjoni wkoll għandu jkollu l-istaff tiegħu. Hu qal lid-diskussjoni dwar x’għandu jkollhom id-deputati għandha ssir fi stadju ieħor minħabba li l-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni hi karigi kostituzzjonali.

Il-Viċi-Kap tal-PN qal li l-PN lest jidħol f’diskussjoni dwar jekk id-deputati jkunux full-time iżda d-deċiżjoni dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni għandha tittieħed biex tiddaħħal fil-pjan finanzjarju tal-parlament.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li hu żbaljat li jingħad li d-deputati u l-ministri għandhom staff mill-parlament. Hu qal li l-gvern lest jikkunsidra li tiddaħħal il-proposta tal-Oppożizzjoni iżda din għandha tiddaħħal fil-kuntest kollu tar-riforma dwar id-deputati kollha.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li l-uniku individwi li għandhom uffiċċji fil-parlament huma l-ministri u s-segretarji parlamentari li jinfetħu min-nies fi ħdan il-ministeri. Din il-faċilità ma teżistix għall-Oppożizzjoni u għalhekk il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jingħata dik il-kunsiderazzjoni. Hu staqsa jekk kienx hemm żvilupp fuq it-talba għal allowance għad-deputati Għawdxin.

Il-Whip tal-Gvern Byron Camilleri qal li l-PL għamel 25 sena fl-Oppożizzjoni u ma nbidel xejn bħala staff tal-Gvern fejn l-Oppożizzjoni ma kellha l-ebda staff. Minkejja dan, il-Gvern lest jiddiskuti. L-allowance tal-Għawdxin għandha tkun diskussa f’kuntest wieħed.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal hemm il-konfort min-naħa tal-Gvern dwar it-talba tal-Oppożizzjoni u għalhekk staqsa jekk jistax ikun hemm żvilupp fuq il-pjan finanzjarju għall-2019 bl-Oppożizzjoni ssostni li m’hemmx konfort li l-Ispeaker qed jirreferi għalih. Għalhekk l-Oppożizzjoni ma taqbilx mal-pjan finanzjarju tal-parlament. L-Ispeaker qal li minħabba li m’hemmx qbil fil-Kumitat dan id-dibattitu issa se jsir fis-sessjoni plenarja tal-parlament.

L-Ispeaker se jiddeċiedi dwar kif jingħataw id-dikjarazzjonijiet tal-assi tad-deputati

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li kien irċieva talba li għat-terminu dwar l-Att dwar il-Libertà tal-Istampa wara li ġurnalist tat-Times talab kopja scanned tar-Reġistru tal-Assi tad-Deputati. Ir-reġistru hu miftuħ għall-ispezzjoni tal-pubbliku u dejjem kien interpretat li kull persuna jista’ jmur il-parlament, jara d-dikjarazzjonijiet, jieħu n-noti minnhom iżda ma jsirux kopji jew jittieħdu ritratti. Din l-interrpetazzjoni ngħatat minn diversi Speakers li dejjem żammew din il-prassi skont il-liġi. Għalhekk it-talba tal-ġurnalist tat-Times ġiet miċħuda iżda l-ġurnalist appella mid-deċiżjoni quddiem il-Kummissarju tad-Data Protection.

Il-kostituzzoni tati d-dritt li l-parlament jirregola l-pożizzjoni tiegħu, qal l-Ispeaker, li kompla li ma jarax problema li l-parlament jibdel il-proċedura dwar kopji scanned dejjem jekk il-parlament jaqbel.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Ferane qal li l-aċċess għar-reġistru hu miftuħ għal kulħadd; hu min hu u sostna li mhux xogħol l-parlament li jinterpreta l-liġijiet u għalhekk għandu jkun l-Ispeaker li jinterpreta dan il-każ.

David Agius qal li din tolqot lil kull deputat iżda llum id-dikjarazzjonijiet tal-ministri huma diġà on line. Hemm għalhekk diskrepanza bejn id-dikjarazzjonijiet tal-ministri u dawk tad-depuati. L-Oppożizzjoni m’għandhiex diffikultà li dawn id-dikjrazzjonijiet jingħataw lill-pubbliku.

L-Ispeaker qal li jekk hemm il-konfort tal-Kamra allura jista’ jkun hemm żvilupp bil-Viċi-Kap tal-PN David Agius iwieġeb li għandu jkun hemm ukoll il-konfort tal-Kummissarju tal-Istandards.