Lokali

Il-Ministru Scicluna jiġġustifika t-tkeċċija ta’ għexieren ta’ ħaddiema mis-settur tal-gaming

Fl-aħħar jiem diversi kumpaniji tal-gaming irreġistrati f’Malta keċċew il-ħaddiema tagħhom, f’dik li tidher li hi xejra inkwetanti li qed tħasseb lil ħafna.

Global Gaming f’Awwissu keċċiet nofs il-ħaddiema, waqt li fl-aħħar ġimgħat segwewha The Star Group, li keċċa 50 persuna, Multilotto li wkoll keċċiet nofs l-istaff kif ukoll GiG li lliċenzjat 25 persuna.

Iżda waqt li eluf jinsabu mħassba dwar il-futur tax-xogħol tagħhom fis-settur, il-Ministru Edward Scicluna ma tantx jidher inkwetat, bħallikieku din xi ħaġa naturali, għax fi kliemu din industrija kbira

Dawn l-aħbarijiet segwew xejriet negattivi wkoll fuq il-prezz tal-istock tal-kumpaniji, b’Betsson, Catena Media, GIG, Kindred Group, LeoVegas, NetEnt u PaddyPower Betfair f’xi każi b’iktar minn nofs il-valur

Il-Ministru bla reazzjoni wkoll wara li żewġ stazzjonijiet barranin kixfu iktar skandli dwar il-bejgħ tal-passaport Malti.

L-istazzjon Franċiż M6 kixef lil rappreżentanti tal-kumpanija Chetcuti Cauchi jiftaħru kemm kapaċi jbiegħu l-passaport Malti għax qrib tal-politiċi Maltin.

Dan waqt li l-istazzjon Olandiż bagħat ġurnalist f’Malta jħabbat il-bibien fejn suppost jgħixu l-barranin li xtraw il-passaport … iżda ma sab lil ħadd.

Konsulent tal-Gvern li fl-istess waqt jippromwovi l-bejgħ tal-passaport Malti, saħansitra ftaħar li m’hemmx għalfejn li wieħed jgħix f’Malta. Dan minkejja li suppost din hi waħda mir-rekwiżiti bażiċi.

Minkejja l-abbuż sfaċċat ta’ din l-iskema, il-Gvern Laburista qed jibqa’ jirreżisti li jissospendi l-programm ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza.